“L-applikant għandu jintalab jindirizza l-irregolaritajiet li ilhom jakkumulaw fiż-żona” – Carmel Cacopardo

Il-Membru tal-Alternattiva Demokratika Ralph Cassar qal li l-fatt li l-operaturi tal-barrieri jridu barrieri ġodda u  li jimlew l-ispazju eżistenti b'garaxxijiet, imħazen u żona kummerċjali jikkonferma li l-barrieri eżistenti huma eżawriti.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet f' Ħ'Attard li kienet indirizzata mill-Kunsillier Lokali ta' Alternattiva Demokratika Ralph Cassar u d-Deputat Chairperson Carmel Cacopardo, l-attivisti politiċi spjegaw il-proposti għall-iżvilupp li hemm ippjanat għal madwar u fil-barrieri ta' Wied Inċita.
Skont Cassar il-kundizzjonijiet ta' kuntratt bejn l-operaturi u l-Gvern fl-1967 qed jiġu injorati kompletament.
Qal li hu ċar li l-operaturi tal-barrieri jridu jiżviluppaw iż-żona kompletament.
Carmel Cacopardo żied jgħid li issottometta oġġezzjoni mal-Awtorita' tal-Ippjanar f'isem ir-residenti kontra l-iżvilupp propost u l-Kunsillier Lokali ta' AD spjega kif l-applikazzjoni tinjora kompletament sensiela ta' ordnijiet ta' infurzar fuq il-barrieri, qisu qatt ma ġara xejn.