L-appell mill-kumpanija tal-karozzi għall-PBS hu “frivolu u vessatorju”

Il-kumpanija tal-kiri tal-karozzi weħlet €1,000 multa wara li tilfet l-appell, liema appell ġie meqjus bħala wieħed “fieragħ u vessatorju” mill-Qorti. Il-kumpanija Burmarrad Commercials Limited weħlet ukoll l-ispejjeż tal-Qorti.

Fis-sentenza l-Qorti qalet li hi persważa li Burmarrad Commercials Limited kienet taf b’dak li qed jiġri fid-dawl li minflok kuntratt wieħed is-servizz ġie maqsum fit-13-il kuntratt, is-sejħa ma ġietx ippubblikata u l-kumpanija ngħatat iċ-ċans tirrevedi l-prezzijiet tagħha.

Burmarrad Commercials Limited appellat id-deċiżjoni mid-Dipartiment tal-Kuntratti li annullat kuntratt li sar bejn il-kumpanija u l-Awtorità tax-Xandir, biex jinkrew tmien vetturi lill-PBS.

Il-Qorti sabet li l-kumpanija tal-kiri tal-vetturi ma kkontestax il-fatti li l-kuntratt sar bi ksur ta’ diversi regolamenti li jirregolaw entatijiet pubbliċi li jitħallsu mit-taxxa, ladarba l-kumpanija daħlet f’kuntratt mal-PBS, il-kumpanija ġiet taqa’ taħt l-istess regoli li jgħoddu għall-PBS.

Id-Dipartiment tal-Kuntratti seta’ jannulla l-kuntratt mingħajr ma jfittex il-kunsens tal-Awtorità tax-Xandir u l-kumpanija.

Il-kuntratt ingħata mingħajr ma nħarġet sejħa pubblika, il-kuntratt kien maqsum f’diversi partijiet li kienu maqsuma b’mod illoġiku u rregolari. Ma kienx hemm Bord tal-Evalwazzjoni, filwaqt li l-istess persuna għamlet kemm is-sejħa u l-evalwazzjoni. Burmarrad Commercials ingħataw l-opportunità li jirrevedu l-offertà u din kienet iddokumentata f’ijmejl li ntbgħat mid-direttur tal-istess kumpanija fl-1 ta’ Diċembru lil numru ta’ ħaddiema tal-PBS li fiha qal “kien pjaċir kbir tiegħi niltaqa’ magħkom dlgħodu. Għandkom issibu stima reveduta kif ġie diskuss dalgħodu.”