L-appartamenti ta’ Puttinu mhux ilaħħqu mal-pazjenti

Il-blokka ta’ appartamenti li Puttinu Cares għadu kif fetaħ f’Sutton f’Londra mhix biżżejjed biex tlaħħaq mad-domanda ta’ pazjenti li qed jitilgħu għall-kura fl-Ingilterra.
Fil-fatt, Puttinu Cares kellu jikri sitt appartamenti ġodda f’High Street f’Londra, hekk kif fil-preżent hemm 30 familja li qed joqogħdu fl-akkomodazzjoni ta’ Puttinu.
Dawn l-appartamenti ġew mgħammra b’dak kollu meħtieġ għall-pazjenti u l-familjari tagħhom. Minbarra għall-kirja tal-appartamenti li tiswa madwar €1,500 fix-xahar, Puttinu Cares se jkun qed iħallas ukoll il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, it-taxxi tal-post, il-faċilitajiet ta’ heating u manutenzjoni.
Dawn is-sitt appartamenti se jkunu qed jiżdiedu mad-19-il appartament (3 minnhom mikrija) li għandu Puttinu Cares f’Sutton.
Biex qed jikri dawn l-appartamenti, Puttinu Cares kellu jieqaf għal ftit milli jaħdem fuq il-ħolma tiegħu tal-proġett fiċ-ċentru ta’ Londra.
Puttinu Cares qed jappella għall-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi, biex ikun jista’ jkompli jgħin lit-tfal, adulti u l-familjari tagħhom li jinsabu għaddejjin minn żmien diffiċli. 
Ritratti: Facebook