L-Appostolat tal-Baħar joffri tama għal futur aħjar lil ħafna

Nhar il-Ħamis li għadda, Kappillani u voluntiera tal-Appostolat tal-Baħar kellhom laqgħa mal-Papa Franġisku li faħħar il-ħidma tagħhom li toffri tama ta’ futur aħjar lil eluf ta’ persuni li jaħdmu u jgħixu fuq il-baħar. L-Apostolat tal-Baħar hu preżenti f’aktar minn 300 port imxerrda mad-dinja u joffri għajnuna materjali  u spritrali lil baħrin u sajjieda u l-familji li jkunu mbiegħda minnhom.

F’diskors li għamel il-Papa qal li billi aktar minn 90% tal-kummerċ dinji jagħmel użu minn bastimenti ta’ diversi tipi, ħadd ma jista’ jiddubita mid-dipendenza tas-soċjetajiet tagħna fuq l-industrja marittima.  Mingħajr baħħara, l-ekonomija tad-dinja tistagħġna u mingħajr sajjieda, f’ħafna partijiet tad-dinja jkun hemm il-ġuħ. “Għalhekk nixtieq inwassal l-istima u l-apprezzament tiegħi lil dawn il-baħrin u sajjieda li tiltaqgħu magħhom li ħafna minnhom jaħdmu għal perjodi dwal, eluf ta’ mili bogħod minn arthom u mill-familji tagħhom.”

Ħajja diffiċli

“Il-ħajja ta’ baħħar u sajjied ma tfissirx biss iżolament u distanzi mill-familja. Kultant hi milquta minn esperjenzi tal-mistħija ta’ abbuż u inġustizzji fil-morsa ta’ dawk li jorganizzaw it-traffikar uman u bix-xogħol furzat. Kultant anqas jitħallsu s-salarju li jixirqilhom jew jispiċċaw abbandunati f’xi port bogħod minn pajjiżhom. Barra l-periklu u t-theddid tal-elementi tan-natura – maltempati u urugani – kultant ikollhom theddid  għal ħajjithom mill-piraterija jew attakki terroristiċi. Dawn jaqsmu l-oċeani u l-ibħra tad-dinja u jieqfu f’portijiet fejn mhux dejjem ikunu milqugħa.

“Bħala Kappillani u voluntiera tal-Appostolat tal-Baħar, intom fdati bil-missjoni li twasslu l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu fid-dinja kumplessa u varjata tat-tbaħħir. Iż-żjarat ta’ kuljum fuq il-vapuri iġibu f’laqgħa ma persuni f’sitwazzjonijiet konkreti – kultant sereni u kultant anzjużi jew ta’ nkwiet.

“Bil-kumpassjoni u d-diskrezzjoni i ntom tagħtuhom ċans jiftħu qalbhom.  Dan hu l-aktar servizz prezzjuż li intom tipprovdu lil nies li ftit ikollhom ċans bħal dan. Il-Ministeru tagħkom mal-baħħara u s-sajjieda hu fuq kollox dak li tisimgħu dwar il-bżonnijiet spiritwali u materjali tagħhom.

Tama għal futur aħjar

“Meta tisimgħu tistgħu tieħdu azzjoni. Inħeġġiġkom lilkom u lil Kappillani u voluntiera oħra tal-Appostolat tal-Baħar biex iżżidu l-isfrozi tagħkom biex tikkonfrontaw sitwazzjonijiet li spiss huma l-frott tar-rgħiba.  Qed nirreferi għat-traffikar uman, xogħol furzat, ksur tad-drittijiet umani u tax-xogħol ta’ tant nisa u rġiel li jaħdmu u jgħixu fuq il-baħar.  Bil-ħidma tagħkom tistgħu tgħinu biex dawn in-nies jerġgħu jiksbu sens ta’ dinjità.

“Barra minn hekk, grazzi għalikom, persuni vulnerabbli jistgħu jsibu t-tama għal futur aħjar. Intom tistgħu tgħinuhom biex ma jaqtgħux qalbhom meta ffaċċjati b’ħajja prekarja li tesplojtahom.  Il-preżenza tagħkom fil-portijiet, diġa’ hi sinjal tal-preżenza t’Alla. Il-preżenza tagħkom hi sinjal ukoll tas-siwi tal-persuna umana qabel kull interess ieħor u inċentiv għal kulħadd, ibda mill-foqra, biex naħdmu għall-ġustizzja u r-rispett tad-drittijiet umani.

“Ejjew niftakru li r-raġel u l-mara li huma ħolqien tal-imħabba t’Alla, kapaċi jibdlu r-regoli u l-kwalità tar-relazzjonijiet u saħansitra jibdlu strutturi soċjali. Dawn huma nies li kapaċijġibu l-paċi fejn hemm il-ġlied u jibnu relazzjonijiet fraterni fejn hemm il-mibegħda, ifittxu l-ġustizzja fejn hemm il-bniedem esplojtat minn bniedem ieħor.  L-imħabba biss tista’ tibdel radiklament ir-relazzjonijiet tan-nies bejniethom”, temm jgħid il-Papa.