Filmati: L-anzjani issa wkoll b’aċċess b’xejn għas-siti ta’ Heritage Malta

Bid-deċiżjoni li ttieħet illum, is-siti storiċi tal-pajjiż ta’ Heritage Malta infetħu b’xejn issa kważi għall-pajjiż kollu. 

Dan qalu l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Forti Sant’ Iermu fil-Belt Valletta. Flimkien mad-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Mario Cutajar, nieda skema ta’ passaporti għall-anzjani, simili għal dawk li fix-xhur li għaddew ġew imnedija għat-tfal tal-iskejjel primarji.

Bonnici sostna li d-deċiżjoni kissret il-ħitan li kienu qed jeżistu bejn il-kultura tal-pajjiż u l-poplu. Sostna li l-inizjattiva qed toffri wkoll opportunità sabiex tingħaqad aktar il-familja Maltija.

Intant Cutajar sostna li l-iskema tal-passaport għat-tfal kienet waħda ta’ suċċess kbir u xtaqu issa li jindirizzaw qasam ieħor tas-soċjeta. Minn dan qed jistenna li l-anzjani Maltin jagħtu futur lill-passat ta’ dawn il-gżejjer billi jgħaddu l-għarfien li jiksbu huma liż-żgħażagħ.

Dawk kollha li għadhom 60 sena jew aktar se jkunu jistgħu jidħlu f’siti ta Heritage Malta b’xejn u magħhom żgħażagħ. Madanakollu din l-iskema ma tinkludix l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni. Dan jistgħu jagħmluh billi japplikaw għall-passaport tal-Kbar.

Anthony Agius Decelis, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanita Attiva qal li dan kien pass ieħor importantu ħafna, fejn l-anzjani se jingħataw iċ-ċans isaħħu l-għerf kulturali tagħhom.

Kif tista’ takkwista dan il-passaport?

  1. Żur il-Kunsill Lokali tiegħek u ppreżenta l-Karta tal-Identità.
  2. L-impjegati tal-Kunsill jirreġistrawk fis-sistema ta’ Heritage Malta.
  3. Fi żmien 10 ijiem tirċievi l-passport bil-posta flimkien ma’ fuljett.

U malli jkollok il-passaport, x’tista’ tagħmel?

Meta wieħed jirċievi l-passaport bil-posta, jkun jista’ jżur 27 sit ta’ Heritage Malta b’xejn u għal kemm-il darba jrid. Wieħed ikun irid jippreżenta l-Passaport u l-karta tal-identità ma kull żjara u hemmhekk jirċievi timbru. Malli jaqqad tmien timbri, jingħata rigal.

Jekk għal xi raġuni, wieħed jitlef il-passaport, għandu jinfora lill-Kunsill Lokali ħalli l-Heritage Malta tipprovdi wieħed ġdid.