L-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà issa jista’ jittiħdilhom id-demm f’darhom b’xejn

L-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà issa jista’ jibda jittiħdilhom id-demm għat-testijiet mill-kumdità ta’ darhom, permezz tas-servizz ta’ flebotomija fil-komunità li ġie estiż għal-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex.

Wara li ġie introdott servizz pilota ġdid ta’ flebotomija fil-komunità fil-lokalitajiet ta’ Birkirkara, il-Mosta, il-Fgura u Ħaż-Żabbar, is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità estenda dan is-servizz għal-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex. Bis-saħħa ta’ dan is-servizz, dawk l-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà li għandhom xi diffikultà fil-mobbiltà jista’ jitteħdilhom id-demm għat-testijiet minn nies professjonisti bla ħlas fil-kumdità ta’ darhom.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabbiltà Silvio Parnis qal li dan is-servizz huwa ddedikat għal dawk l-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà li jgħixu fi djarhom u minħabba xi problemi f’saħħithom ma jkunux jistgħu joħorġu biex imorru fl-isptarijiet u fiċ-ċentri tas-saħħa għal dan is-servizz. Ħafna minn dawn il-persuni kien qed ikollhom iħallsu lil xi ħadd privatament għal dan is-servizz.

Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Dr Renzo De Gabriele ppreżenta ċertifikat lil disa’ infermiera talli temmew b’suċċess il-kors tal-flebotomija. Dawn l-infermiera huma: Bernardette Caruana, Rania Tajuri, Samantha Cervellera, Premjith Preman, Katalin Mikovic, Yana Permina, Noelene Vella, Louise Purton u Ann Cremona.

Għal aktar informazzjoni jew biex wieħed jibbukkja dan is-servizz, jista’ jċempel fuq 22589393 jew inkella fuq in-numru 159.