“L-anzjani qed jirċievu żieda fil-pensjoni għall-ewwel darba f’25 sena”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li minn din il-ġimgħa se jkun hawn bosta anzjani, speċjalment dawk li jirċievu l-pensjoni minima, li se tiżdidilhom il-pensjoni.
Qal li din iż-żieda se ssir għall-ewwel darba wara 25 sena u fiż-żmien li ġej il-poplu se jara ħafna bidliet biex jiġu mgħejjuna s-setturi kollha tas-soċjetà b’mod speċjali l-anzjani.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal dan waqt li kien qed jindirizza l-forum edukattiv tal-Għaqda Pensjonanti tal-GWU.
Il-Prim Ministru qal li kull sena qed jiżdiedu n-nies li qed jieħdu l-għotja ta’ €300 u permezz ta’ tnaqqis ta’ 30% fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-Gvern qed joqgħod attent li ma jiżdiedx il-piż fuq l-għoli tal-ħajja.
Semma l-iskemi fejn dawk li ma kellhomx biżżejjed bolol imħallsa, issa qed ikollhom iċ-ċans biex ikunu jistgħu jħallsu sa 5 snin bolol biex ikunu jistgħu jikkwalifikaw għal pensjoni jew biex tiżdidilhom il-pensjoni.
Il-Gvern qed jagħti somma ta’ flus ukoll lil dawk li ma ħallsux bolol biżżejjed biex ikunu jistgħu jikkwalifikaw għal pensjoni.
Joseph Muscat tkellem ukoll dwar il-bidliet li sar fis-sigurtà soċjali fejn tneħħew anomaliji li kienu jaffettwaw l-eksħaddiema tat-Tarzna.
Matul is-sena li għaddiet, 616-il pensjonant żieda fil-pensjoni, li bejniethom tlaħħaq għal €1,600,000.
Il-Prim Ministru rrefera għar-rapport tal-Fond Monterarju Internazzjonali, li qal li s-sistema tal-pensjonijiet f’Malta hija aktar soda u sostenibbili, sostna li dan huwa possibbli minħabba li l-Gvern kabbar l-ekonomija u qed joffri childcare b’xejn.
Joseph Muscat tkellem ukoll fuq il-proġett pilota tal-live in carers u sostna li l-għajnuna mill-istat ma tistax tieħu post l-ulied, li xorta għandhom id-dmir li jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom.

Ritratt: DOI – Cloudagh Farrugia O'Neill