L-anzjani l-aktar li jiddejqu li hemm immigranti joqogħdu qribhom – stħarriġ

Miguela Xuereb

Stħarriġ li sar juri li l-anzjani huma l-aktar grupp fis-soċjetà li jiddejqu li jkun hemm immigranti joqogħdu qrib tagħhom.

Dan l-istħarriġ ġie kkummissjonat mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fi ħdan l-Università ta’ Malta u tmexxa mid-Dekan tal-Fakultà Prof. Andrew Azzopardi u mit-tim ta’ riċerkaturi fi ħdan il-fakultà, u jħares lejn diversi aspetti b’rabta mar-razziżmu fis-soċjetà Maltija. Ir-riċerka nġabret mill-istatistiku Vincent Marmarà f’Ottubru fost 600 persuna.

Mistoqsijin kif iħossuhom jekk ikun hemm immigranti joqogħdu qrib id-dar tagħhom, medja ta’ tlieta minn kull ħames anzjani qalu li ma togħġobhomx l-idea. Nies li m’għandhomx livell għoli ta’ edukazzjoni wkoll jiddejqu joqogħdu qrib l-immigranti. L-aktar li jiddejqu huma dawk li joqogħdu fix-Xlokk ta’ Malta (medja ta’ 3.7 minn kull 5).

29.6% ta’ dawk li pparteċipaw fl-istudju qalu li għalihom huwa kompletament aċċettabbli. Jidher li n-nisa huma dawk li ma taffettwahomx l-aktar li joqogħdu qrib l-immigranti, b’kuntrast mill-irġiel. Nies li għandhom dħul għoli ma taffettwahomx wisq anqas.

Aktar minn nofs il-parteċipanti jgħidu li mhumiex razzisti

Aktar minn nofs il-parteċipanti fl-istħarriġ qalu li assolutament mhumiex razzisti (56.9%). 25.6% qalu li mhumiex daqshekk razzisti, u 15% qalu li huma ftit razzisti.

2.5% tal-parteċipanti biss identifikaw irwieħhom bħala razzisti ħafna.

L-immigranti piż fuq il-Maltin?

Għall-mistoqsija ta’ jekk l-immigranti humiex ta’ piż fuq il-Maltin, il-maġġoranza wieġbet li hekk huma. Fit-tweġiba għal din il-mistoqsija, ma kienx hemm wisq varjazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa. Dawk li jqisuhom ta’ piż huma l-aktar in-nies li jagħmlu xogħol tad-dar, mentri n-nies li jaqilgħu paga għolja huma l-inqas li jqisu l-immigranti ta’ xkiel jew piż.

L-inqas li jħossu li l-immigranti huma piż huma ż-żgħażagħ, u n-nies li joqogħdu fix-Xlokk tal-pajjiż. Dawk li huma aktar edukati formalment wieġbu li l-immigranti jistgħu jikkontribwixxu biex jgħinu lill-pajjiż.

35.2% tal-parteċipanti kellhom tweġiba newtrali għall-mistoqsija jekk jaħsbux li l-immigranti jistgħu jikkontribwixxu biex isaħħu lill-pajjiż.

Il-maġġoranza jqisuha inaċċettabbli li xi ħadd tal-familja jiżżewweġ immigrant

Mistoqsijin kemm tkun aċċettabbli li immigrant Afrikan jiżżewweġ lil membru tal-familja tagħhom, pereżempju lil xi ħadd minn uliedhom, fejn it-tweġiba 1 hu l-inqas aċċettabbli u l-5 hu l-aktar aċċettabbli, il-maġġoranza wieġbet bin-numru 1. 36.4% iqisuha inaċċettabbli li jkun hemm żwieġ bħal dan fil-familja.

Mill-ġdid, għan-nisa hu aktar aċċettabbli milli għall-irġiel, u dawk li għadhom żgħar isibuha aktar faċli li jaċċettaw dawn milli dawk imdaħħlin fiż-żmien. L-istess l-Għawdxin, dawn huma aktar tolleranti ta’ żwieġ bħal dan.

Nies li għandhom iżjed minn erbat itfal ukoll jaċċettaw li dan iseħħ f’familthom.

Simili għal riżultati oħra, nies li m’għandhomx edukazzjoni formali għolja u dawk li għandhom dħul baxx huma l-aktar kontra l-idea li immigranti Afrikani jintegraw f’familthom permezz taż-żwieġ (medja ta’ 1.94 minn kull 5).

Il-pagi f’Malta jinżammu baxxi minħabba l-immigrazzjoni?

Kwart tal-parteċipanti jaqblu ħafna li r-raġuni ewlenija għall-pagi baxxi f’Malta hija l-immigrazzjoni. Min-naħa l-oħra, 27.1% tal-parteċipanti assolutament ma jaqblux ma’ dan.

Madankollu, il-maġġoranza ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ għandhom opinjoni newtrali fuq dan.

Fost dawk li jaqblu ma’ din l-istqarrija, hemm in-nies li għandhom aktar minn 66 sena jew pensjonanti, filwaqt li dawk li ma jaqblux huma dawk ta’ livell għoli ta’ edukazzjoni, dawk li għandhom paga għolja u dawk li joqogħdu fil-port tan-naħa t’isfel ta’ Malta.