L-anzjani jistgħu jduru l-Belt fuq scooter b’xejn

Persuni Ii għandhom iktar minn 60 sena u li għandhom problema ta’ mobilità se jkunu jistgħu jibbukkjaw scooter b’xejn biex iduru mal-Belt.

Din l-inizjattiva tħabbret mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis fil-Jum Internazzjonali għall-Anzjani bl-għan li tissaħħaħ l-aċċessibilità għall-anzjani fil-Belt. Dr. Agius Decelis qal li permezz ta’ dan l-investiment ta’ €6,000 f’ żewġ scooters elettriċi, l-anzjani b’diffikultajiet ta’ mobilità għandhom jagħmlu iktar kuraġġ biex ma jinqaflux fi djarhom iżda minflok jieħdu parti attiva fil-komunità. Is-Segretarju Parlamentari ħabbar li dan se jkun proġett pilota ta’ sitt xhur li fi tmiemu tista’ tiġi kkunsidrata l-possibilità li jinxtraw iktar scooters.

L-anzjani li huma interessati li jużaw scooter iridu jibbukkjaw minn tal-inqas jumejn qabel billi jċemplu 21 695 544 mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-7 am u s-2 pm. L-iscooters ikunu jistgħu jinġabru minn Palazzo Ferreria fi Triq ir-Repubblika jew mill-venda tal-karozzi tal-linja u jistgħu jintużaw għal massimu ta’ tliet sigħat bejn is-7 am u s-2 pm.