L-anzjani jistaqsu għaliex huma jridu jissakkru ġewwa waqt li kulħadd jixxala – MAGG

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġerontoloġija u l-Ġerjatriċi (MAGG) uriet it-tħassib tagħha fuq kif il-pandemija qed taffettwa lill-anzjani. Qalet li l-anzjani qegħdin jistaqsu għaliex huma jridu jissakkru fi djarhom waqt li l-kumplament tal-popolazzjoni toħroġ u tixxala. L-Assoċjazzjoni saħqet li l-anzjani għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li tittieħed fir-rigward tal-pandemija, u li għandhom jittieħdu aktar miżuri biex l-anzjani jkunu protetti.

Fi stqarrija, l-MAGG qalet li l-qabża fl-imwiet fost l-anzjani bil-Covid-19 u l-isplużjoni fl-għadd ta’ każijiet jissuġġerixxu li mhux qed isir biżżejjed biex jiġu protetti l-anzjani.

L-Assoċjazzjoni elenkat xi mistoqsijiet li qegħdin jistaqsu l-anzjani, bħal kif huma jridu jissakkru waqt li ħaddieħor jixxala, kif huma spiċċaw f’periklu jgħixu ġo dar tal-anzjani li tiswa l-flus u li suppost hi sigura, jekk jistgħux imorru jgħixu mal-familji tagħhom sakemm tgħaddi l-pandemija, u għaliex qed jissagrifikaw li jaraw lil uliedhom u lin-neputijiet meta anzjani oħra xorta qed imutu ta’ kuljum bil-virus.

L-aħħar imwiet bil-Covid-19
Tliet anzjani jmutu bil-Covid-19 il-Ħadd

Apparti hekk, l-Assoċjazzjoni semmiet kif dawn il-persuni li tant ħadmu u li wasslu lis-soċjetà fejn hi llum qed jiġu rringrazzjati ta’ ħidmiethom billi huma suġġetti għal miżuri li ma jifhmux u li ma jistgħux jappoġġjaw.

Skontha, l-anzjani qegħdin jistaqsu wkoll għaliex meta jmut xi anzjan, donnu ma jintqalx b’mod ċar li dan miet bil-Covid-19. “Nista’ tal-anqas immut b’dinjità?” qed jistaqsu l-anzjani, qalet l-Assoċjazzjoni.

Għaldaqstant, hija qed tesiġi li l-anzjani jkunu fiċ-ċentru tat-teħid tad-deċiżjonijiet, li l-awtoritajiet iżidu l-miżuri restrittivi biex jissalvagwardjaw l-anzjani u l-vulnerabbli, u li jkun hemm strateġija nazzjonali li tiggarantixxi li l-anzjani jingħataw prijorità għall-vaċċin tal-influwenza u tal-Covid-19.

Taqbel li għandu jkun hawn aktar restrizzjonijiet?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt