Filmat: L-anzjani jgħidu tagħhom dwar il-vann tal-lokalità

Tliet anzjani tkellmu dwar il-vantaġġi tat-trasport on demand hekk kif ġie estiż is-servizz. F’kummenti li taw lil Newsbook.com.mt anzjana spjegat li biex tasal għal fejn kienet il-konferenza stampa mid-dar tagħha trid tinżel 150 tarġa. Hi saħqet ma’ Newsbook.com.mt li tinsab kuntenta ferm li s-servizz qed jiġi estiżQalet ukoll li x-xufiera jagħtu servizz tajjeb ħafna. Mara oħra li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt ukoll faħħret l-estenzjoni tas-servizz, hekk kif qabel kien provdut fuq tlett ijiem biss. Raġel anzjan sostna li s-servizz jagħmillu ħajtu faċli fil-qadi li jkollu bżonn jagħmel kuljum bħal meta jkollu bżonn imur il-bank jew iċ-ċentru tas-saħħa.

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis u s-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli tnediet l-estenzjoni tas-servizzi ta’ trasport on demand li l-kunsill lokali joffri biex jgħin lill-anzjani u persuni vulnerabbli fil-lokalità. Is-servizz kien beda bħala proġett pilota f’Novembru tal-2017 u kien jitħaddem tliet darbiet fil-ġimgħa. Is-servizz issa ġie estiż mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-7.45am s-1.00pm.

L-inzjattiva bdiet wara li l-Kunsill kien poġġa l-proposta quddiem Transport Malta bħala parti minn kompetizzjoni. Il-proposta ntagħżlet u l-kunsill ingħata €60,000. Il-Kunsill kien żied €12,000 mill-fondi tiegħu biex b’hekk xtara tliet vannijiet elettriċi biex jkun jista’ jiġi offrut das-servizz.

Fl-2018 saru madwar 2,800 vjaġġ.

Waqt il-konferenza stampa il-Ministru Borg saħaq fuq l-importanza biex jibqgħu jiġu introdotti kunċetti ta’ trasport kollettiv sostenibbli. Qal li l-Gvern għaddej b’ħidma favur settur tat-trasport dejjem aktar sostenibbli.

Is-Sindku Zerafa Civelli spjegat kif il-proposta oriġinali kienet nibtet mir-residenti stess li kienu ta’ sikwit jilmentaw fuq it-topografija tal-post. Spjegat li filwaqt qed jgħinu l-anzjani u l-vulnerabbli, kienu qed jagħmlu bl-użu ta’ vetturi elettriċi u b’hekk qed jibżgħu għall-ambjent.

Filmat Luke Zerafa