L-anzjani jfakkruna li l-ħajja għażiża dejjem – l-Isqof Awżiljarju

Ritratti: knisja.mt/ritratti

Read in English.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li l-anzjani jfakkru lis-soċjetà li l-ħajja hi għażiża f’kull mument tagħha, mit-tnissil sat-tmiem naturali tagħha.

L-Isqof Awżiljarju qal dan dalgħodu f’omelija fil-Bażilika Minuri ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema tal-Mosta. Madwar 1,000 anzjan attendew għall-quddiesa.

Mons. Galea-Curmi wera l-apprezzament tal-Knisja għall-kontribut li l-anzjani taw matul is-snin u li għadhom jagħtu sal-lum għall-ġid tas-soċjetà.

Skont l-Isqof, il-ħajja tibqa’ għażiża u b’dinjità wkoll meta jgħaddu s-snin u persuna tikber sew fl-età. Qal li min ikun aktar fraġli għandu bżonn aktar għajnuna u appoġġ.

Fakkar fi kliem il-Papa li meta jkellem liż-żgħażagħ u lil dawk li jaħdmu magħhom, ifakkarhom fl-anzjani u fl-importanza tad-djalogu magħhom.

“Il-Papa jfakkar li l-Kelma ta’ Alla turina l-bżonn li ma nitilfux il-kuntatt mal-anzjani ħalli nitgħallmu mill-esperjenza tagħhom. Għandna nkunu miftuħa biex nixorbu mill-għerf li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Hu dan li jgħinna biex nibnu fis-sod soċjetà mġedda.”

Mons. Galea-Curmi qal li l-anzjani m’għandhomx jiġġudikaw liż-żgħażagħ imma għandhom jisimgħuhom u jagħtuhom l-enerġija ħalli jimxu ‘l quddiem.

“Nixtieq li l-quddiesa tal-lum tkun għalikom ilkoll ċelebrazzjoni ta’ inkoraġġiment. Ħarsu lejn kull jum tal-ħajja tagħkom bħala jum li fih Alla jimliekom bl-imħabba tiegħu u jagħtikom l-għajnuna biex tagħmlu l-ġid lill-oħrajn,” qal l-Isqof.