Il-pensjonanti u l-anzjani qed ibatu minħabba żidiet fil-prezzijiet tal-ikel skont il-Partit Nazzjonalista (PN).
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Pensjonanti u Anzjani Nazzjonalisti (APAN) qalet li “l-pensjonanti u l-anzjani qed isibu ma wiċċhom żidiet sostanzjali f’oġġetti l-aktar essenzjali tal-ħajja ta’ kuljum.” Skont il-PN, dan minħabba li l-Gvern m’għandux pjan. Fakkar kif kien hemm żieda fil-prezz tal-ħobż, fil-petrol, fid-diesel, u fil-kirjiet. Dwar iċ-ċekkijiet tal-Gvern imsejħa “tax refund”, il-PN qal li mhux l-anzjani kollha se jirċevuh. “Din it-tax rebate lanqas biss ittaffi ż-żieda ta’ 20 ċenteżmu fuq il-ħobż li titla sa’ €73 fis-sena” żied jgħid il-PN.
Il-PN temm jgħid li ż-żieda fil-għoli tal-ħajja jħossha kulħadd, iżda li l-anzjani u l-pensjonanti jħossu ferm aktar minħabba li d-dħul tagħhom huwa limitat u l-pensjoni mhix adegwata għall-għoli tal-ħajja.