Se jsir ‘Sir’ l-anzjan ta’ 100 sena b’rekord ta’ ġbir ta’ fondi

Il-Kaptan Tom Moore, li sar eroj nazzjonali fl-Ingilterra wara li rnexxielu jiġbor 33 miljun lira sterlina għall-NHS qabel egħluq il-100 sena tiegħu, se jsir kavallier.

Tom Moore issa se jsir “Sir Tom” wara nomina speċjali li għadha kemm waslet mill-Prim Ministru Boris Johnson.

Il-veteran tat-Tieni Gwerra Dinjija ġabar is-somma rekord billi bi tbatija, mexa għal mitt darba madwar il-ġnien tiegħu bl-għajnuna ta’ bastun biex b’hekk sar simbolu rappreżentattiv ta’ l-ispirtu ta’ reżistenza tal-pajjiż quddiem il-kriżi tal-pandemija coronavirus.

“Il-kampanja mill-isbaħ ta’ ġbir ta’ flus tal-Kurunell Tom, kisret rekords, ispirat pajjiż sħiħ u kienet għalina raġġ ta’ dawl fiċ-ċpar tal-coronavirus,” qal Johnson nhar it-Tlieta.

“F’isem dawk kollha li ħassewhom kommossi minn din l-istorja inkredibbli, nixtieq ngħid ‘grazzi’ kbira. Huwa tassew teżor nazzjonali.”

Ix-xahar li għadda, Tom b’ċajta qal li tkun xi ħaġa divertenti jekk in-nies tibda’ tirreferi għalih bħala “Sir Thomas Moore” – b’referenza għall-politiku ta’ żmien it-Tudors Sir Thomas More.

Bint Moore qalet li l-familja kollha tinsab kuntenta mmens b’din in-nomina għal kavallier.

“Huwa verament unur kbir, u tassew mistħoqq; Tom huwa tassew raġel mill-aqwa,” qalet Hannah Ingram-Moore lil BBC TV nhar l-Erbgħa.

Dan l-unur huwa l-iżjed wieħed riċenti li Moore se jkun qed jingħata. Meta għalaq il-mitt sena tiegħu ix-xahar li għadda, ir-reġina Eliżabetta qablet li għandu jingħata l-grad ta’ kurunell onorarju filwaqt li sar ukoll membru onorarju tat-tim Ingliż tal-cricket.

Huwa għandu l-Guinness World Record għall-aktar flus miġbura minn individwu permezz ta’ mixja.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn