L-antropologu Zammit: F’Malta żdiedu l-individwaliżmu u l-isfiduċja fl-istituzzjonijiet

L-Antropologu David Zammit qal li f’Malta qed jikbru is-sens tal-individwaliżmu u n-nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet. Mat-tixrid tal-individwaliżmu huwa rabat ukoll it-tkattir tal-kapitaliżmu.
Fil-programm Newsline li jixxandar fuq RTK kull nhar ta’ Sibt bejn l-10am u nofsinhar, l-antropologu Zammit flimkien mas-soċjologa Maria Brown tkellmu dwar il-karatteristiċi tas-sena li għaddiet u dik li bdejna.
Zammit qal li “s-soċjetà Maltija qed issir individwalistika” filwaqt li qabbel dan mat-tnawwir mar-rabtiet li jgħaqqdu liċ-ċittadini f’komunità fejn semma numru ta’ affarijiet li ħadu daqqa lura matul is-sena li għaddiet.
Fost dawn, Zammit isemmi l-familja, il-komunità li ngħixu fiha u l-ideoloġiji li wieħed kien jagħzel biex jifforma parti minn partit politiku. Saħaq li dawn it-tendenzi huma kollha kollegati flimkien u semma bħala eżempju r-reazzjoni tal-Maltin għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fejn qal li kienet “kriżi” minħabba li “ma konniex kapaċi nirreaġixxu bħala poplu magħqud”. Jikkonkludi li din kienet effett tan-nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet Maltin.
Dwar l-istituzzjonijiet, David Zammit qal li n-nuqqas ta’ għaqda qed iwassal għal sfiduċja fl-istituzzjonijiet. Qal li “hemm sens ta’ sfiduċja minn numru sinifikanti ta’ nies” fl-istituzzjonijiet bħal qrati, il-Korp tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.
L-antropologu David Zammit qal li huwa veru li tradizzjonalment f’Malta hawn kuxjenza soċjali li żviluppat pero jgħid li din kienet ibbażata fuq ideoloġija kattolika u ideoloġija soċjalista. Zammit jasal għall-konklużjoni li dawn huma ideoloġiji li l-poplarità tagħhom qed tonqos u għalhekk jistgħu jaffettwaw il-kuxjenza soċjali tal-Maltin.
Fil-programm tkellmet ukoll is-soċjologa Maria Brown fejn qablet ma’ din l-analiżi u qalet li t-tkabbir ekonomiku kellu impatt fuq is-soċjetà Maltija.
Maria Brown spjegat iżda li l-għeruq tal-problemi u kunflitti soċjali huma ġejjin lil hinn mit-tkabbir ekonomiku.
“Kwistjonijiet ambjentali jiddominaw l-2018”
Is-soċjologa Maria Brown qalet li waħda mill-kwistjonijiet kontroversjali li mistennija jiddominaw l-2018 hemm l-iżvilupp ambjentali.
Mistoqsija mill-preżentatur tal-programm Newsline fuq RTK, Fr Joe Borg, dwar x’taħseb li huma l-kwistjonijiet kontroversjali li ssemmgħu mill-Prim Ministru fil-messaġġ tal-ewwel tas-sena, Brown qalet li aktarx li huma kwistjonijiet ambjentali.
Qalet li r-relazzjoni mal-ambjent u l-aspetti tar-reliġjon fosthom is-sekulariżmu, meta r-reliġjon ma tibqax importanti jistgħu iwasslu biex il-bniedem ikollu inqas punti ta’ referenza li jwasslu għall-problemi soċjali.
Hija spjegat li minħabba n-numru ta’ applikazzjonijiet tal-ippjanar pendenti, ċertament li se jkomplu joħolqu kontroversja. Qalet ukoll li din is-sena l-industrija tal-bini u kostruzzjoni se jkollha impatt fuq l-iżvilupp urban b’effett dirett fuq il-ħajja tan-nies.
“Żgħażagħ b’aspirazzjonijiet kbar”
Zammit jorbot it-tibdil fis-soċjetà mal-aspirazzjonijiet “kbar” taż-żgħażagħ fejn qal li ħadd mhu kuntent lanqas b’xogħol wieħed għax semma li ħafna qed jippruvaw jgħaqqdu numru ta’ rwoli f’daqqa biex jagħmlu aktar minn xogħol wieħed u anki aspirazzjonijiet li wieħed mhux biss jagħmel suċċess lokalment iżda fix-xena globali.
Jiċċara l-fatt li dawn waħedhom mhumiex affarijiet ħżiena imma li jistgħu jwasslu għal nuqqas ta’ kontroll u limitu.
Tista’ tara l-intervista sħiħa hawnhekk.