“L-antagoniżmu politiku qed jaffettwa lit-tfal fl-iskejjel”- MUT

L-Unjin tal-Għalliema bagħtet ittra miftuħa lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni fejn uriet it-tħassib tagħha fuq ix-xena politika fil-pajjiż.
Fl-ittra, il-President tal-MUT Kevin Bonello qal li kull ma jmur dejjem qed jiżdied l-antagoniżmu bejn iż-żewġ kampijiet politiċi.
Sostna li dan qed iħalli effett serju fuq il-poplu, li b’mod indirett se jkun qed jaffettwa lit-tfal u l-edukazzjoni tagħhom.
Irrefera għall-kummenti fuq il-mezzi soċjali fejn jidher ċar li b’rata pjuttost allarmanti qed ikun hawn dejjem iktar firda bejn il-poplu, b’element ta’ mibgħeda, disprezz u stmerrija għall-kamp oppost.
Kevin Bonello saħaq li jekk it-tfal fl-iskejjel jipperċepixxu li hi xi ħaġa normali li wieħed iħammeġ jew jattakka kollega tiegħu fuq livell personali, għada pitgħada dan se jkun rifless fid-dinja tax-xogħol tagħhom.
Appella biex ma tiġix imminata l-edukazzjoni u biex iż-żewġ partiti jagħmlu qabża ‘l quddiem biex il-politika tkun tassew taqdi lill-pajjiż u jkun hemm l-għaqda b’rispett għall-intelliġenza tal-poplu.