L-ansjetà fit-tfal jekk l-għalliema timrad

Jekk timrad it-teacher, se nkomplu mmorru skola? U jien ukoll se nimrad? Il-mamà tista’ timrad ukoll? F’dak il-każ min se jeħodni u min se jwassalni lura? In-nanniet ma nistax narahom jekk immur l-iskola? U jekk se jkollna skola online kif se nagħmlu?…

Dawn u ħafna oħrajn huma ħsibijiet li għaddejjin jew diġà għaddew minn moħħ uliedna f’dawn il-ġimgħat. Huma ħsibijiet validi u jesprimu ċerta ansjetà.

Min-naħa tagħna importanti li nifhmu x’qed iħossu wliedna. Mhux aħna biss xbajna bil-pandemija; mhux aħna biss ansjużi. Biex it-tfal jikkalmaw u jkollhom inqas ansjetà, l-ewwel nett iridu jkunu l-adulti li jżommu l-kalma u jisimgħuhom bil-kalma. Għalxejn ngħidulhom li kollox se jkun sew jekk ma nifhmux xi jkun għaddej minn moħħhom.

Meta wliedna jgħidulna kliem ta’ ansjetà, irridu nkomplu magħhom billi l-ewwel naffermaw u naċċettaw dak li qed iħossu. Imbagħad nistaqsuhom x’jistgħu jagħmlu huma stess u x’jixtiequ li aħna nagħmlu biex ngħinuhom, naturalment dejjem skont l-età tat-tfal. Ma jagħmilx ġid li niċħdulhom jew nissopprimu l-feelings tagħhom. Kliem bħal “Toqgħodx tinkwieta!” jew “Tgħaġġibhiex!” mhumiex kliem li għandna ngħidulhom jekk irriduhom iħossuhom inqas ansjużi.

L-ansjetà tħossha meta tkun qed tinkwieta ħafna, jew tibża’, ġeneralment meta nsibu ruħna f’sitwazzjoni ġdida jew mhux tas-soltu u li ma nkunux nafu kif se tispiċċa. Din tista’ tnissel qtigħ il-qalb u tħassib żejjed. Skont il-WHO wieħed minn kull tlettax-il persuna fid-dinja jesperjenza ansjetà qawwija.

L-ansjetà u l-biża’ jimxu id f’id, iżda xi drabi l-ansjetà tista’ tkun ġejja wkoll minn ħsibijiet li mhumiex reali. It-tfal jesperjenzaw dan kollu wkoll. Sa ċertu punt dan hu normali u tajjeb għax isiru konxji li għandhom għażla: jew jaħarbu jew jiffaċċjaw is-sitwazzjoni.

Biex ngħinuhom f’sitwazzjonijiet bħal dawn irridu nkunu pożittivi. Noqogħdu attenti li ma jisimgħuniex immaqdru jew nikkritikaw l-iskola għax bħalissa dan jista’ jnissel il-biża’ u l-inċertezza fihom. Meta nkunu pożittivi nkunu qed ngħallmu lit-tfal kif huma wkoll jistgħu jaħsbu b’mod pożittiv.

Pereżempju, jekk it-tfal li qed ibatu minn ansjetà jkunu żgħar, jistgħu jieħdu magħhom xi oġġett, bħall-maktur tal-omm jew xi ġugarell żgħir li jfakkarhom fid-dar, f’xi ħaġa li tagħtihom protezzjoni.

Meta nitkellmu mat-tfal tajjeb ngħidulhom kemm hemm nies li qed jaħdmu biex l-iskola tkun post sigur u li huma wkoll jistgħu jgħinu f’dan billi jilbsu l-maskra, jaħslu jdejhom, ma joqogħdux viċin l-oħrajn u jobdu l-istruzzjonijiet li jagħtuhom l-għalliema.

Niftakru li l-eżempju jkaxkar, u għalhekk meta t-tfal jaraw lill-ġenituri jobdu l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet (preferibbilment bla tgergir) allura se jsibuha eħfef biex jagħmlu hekk huma wkoll.

Jekk l-ansjetà eżaġerata ddum aktar minn sitt jew seba’ ġimgħat ikun aħjar li nirrikorru għal għajnuna professjonali.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.