L-inqas rata ta’ mwiet reġistrata fl-Italja

Read in English.

Nhar il-Ħadd, l-Italja ddikjarat l-għadd ta’ 433 mewta minħabba l-pandemija tal-coronavirus, l-inqas rata ta’ kuljum f’ġimgħa, u n-numru ta’ każijiet ġodda naqas minn 3,491 għal 3,047.

Ir-rata ta’ mwiet irrappurtata mill-Aġenzija Taljana għall-Protezzjoni Ċivili kienet telgħet għal 482 nhar is-Sibt, inqas mill-ammont ta’ 575 mewta rrappurtati nhar il-Ġimgħa.

Ir-rata ta’ mwiet u każijiet kuljum isostnu s-sitwazzjoni li jidher li stabbiliet ruħha madwar dawn l-aħħar ġimgħatejn.

Dan l-ammont huwa pjuttost inqas mil-livelli għolja li ntlaħqu lejn l-aħħar ta’ Marzu, madankollu r-rata ta’ tnaqqis ma kinitx mgħaġġla kemm kien mixtieq u mistenni f’dan il-pajjiż li ilu msakkra f’lockdown għal dawn l-aħħar sitt ġimgħat. 

L-għadd ta’ mwiet ta’ nhar il-Ħadd kienet l-aktar rata baxxa ta’ kuljum mit-12 ta’ April, meta kien tela’ għal 431, qabel ma reġa’ żdied matul il-ġimgħat ta’ wara.

Jekk dan it-tnaqqis jibqa’ kkonfermat għall-jiem li ġejjin, dan jista’ jżid il-pressjoni li qed issir fuq il-gvern f’Ruma minn kapijiet kummerċjali u l-kapijiet ta’ ċerti reġjuni sabiex il-kumpaniji jitħallew jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom u jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ persuni.

Il-lockdown nazzjonali li kien impost fid-9 ta’ Marzu se jibqa’ fis-seħħ sat-3 ta’ Mejju, imma għad m’hemm l-ebda direzzjoni ċara b’liema rata dan se jitneħħa.

Luca Zaia, il-kap tar-reġjun tal-Veneto fit-tramuntana tal-pajjiż, li għamel progress partikolari biex jikkontrolla din l-imxija, talab sabiex dawn ir-restrizzjonijiet jintreħew qabel it-3 ta’ Mejju. 

Madankollu, nhar is-Sibt filgħaxija l-Prim Ministru Giuseppe Conte ddikjara li l-Italja kienet għadha mhix f’pożizzjoni biex terħi l-miżuri ta’ lockdown u eskluda l-possibilità li ċerti reġjuni se jitħallew jiftħu qabel oħrajn.

Esperti mediċi talbu għal kawtela, fejn qalu li l-Italja għadha fl-ewwel stadju tal-istat ta’ emerġenza, u għandha mhix f’pożizzjoni li tidħol fl-hekk imsejħa “Fażi 2”. 

“Għadu kmieni wisq, in-numri f’ċerti reġjuni għadhom għoljin bħal dawk fil-“Fażi 1”, li jfisser li din għadha ma għaddietx,” qal Walter Riccardi, uffiċjal tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa f’intervista ma’ Sky Italia TV.

L-għadd totali ta’ mwiet minn meta faqqgħet il-pandemija fil-21 ta’ Frar tela’ għal 23,660 nhar il-Ħadd, it-tieni l-ogħla fid-dinja wara l-Istati Uniti. Il-pajjiż għandu 178,972 każ ikkonfermat.

Din it-tifqigħa għadha kkonċentrata ħafna fir-reġjuni tat-tramuntana tal-Lombardija, madwar il-kapitali finanzjarja ta’ Milan, u r-reġjuni fil-viċin ta’ Piemonte u Emilia-Romagna. Il-Lombardija nhar il-Ħadd irrappurtat żieda ta’ kuljum fin-numru ta’ mwiet ta’ 163, jew aktar mit-terz tat-total tal-pajjiż, u 855 każ ġdid.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn