L-Anglikani joffru l-Katidral lill-Karmelitani biex jiċċelebraw il-Milied

Il-komunità Anglikana Maltija offriet il-Pro Katidral ta' San Pawl lill-komunità Karmelitana tal-Belt Valletta biex tkun tista' tiċċelebra l-Quddiesa ta' nofsilejl f'dan il-Milied.
Dan hekk kif bħalissa, is-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu jinsab magħluq hekk kif għaddej fih ix-xogħol fuq il-paviment tal-irħam.
Għalkemm bħalissa l-komunità Karmelitana qed tiċċelebra l-quddies fil-Kappella tal-Pilar, din hi żgħira biex tilqa' l-għadd ta' persuni li ta' kull sena jingħaqdu mal-Karmelitani għall-quddiesa ta' nofsilejl.
Għalhekk, għal din is-sena, il-Kanċillier, il-Kanonku Simon Godfrey u l-komunità Anglikana, offrew dan il-Katidral tagħhom lill-komunità Karmelitana u lil dawk kollha li jiffrekwentaw is-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu.
Il-Pirjol tal-komunità Karmelitana tal-Belt Valletta, Patri Alex Scerri O.Carm, irringrazja lill-komunità Anglikana u qal li din se tkun xi ħaġa storika, iżda fuq kollox għandha sservi bħala eżempju għall-għaqda li għandu jkun hemm bejn il-poplu ta' Alla.
Fil-fatt mhux l-ewwel darba li ż-żewġ komunitajiet ingħaqdu flimkien f'talba ekumenika. Il-Kanċillier Anglikan jattendi għal numru ta' ċelebrazzjonijiet li jsiru fis-Santwarju tal-Karmnu u kien hemm drabi fejn anke t-tranżlazzjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu bdiet mill-istess Pro Katidral.
Fil-lejl tal-Milied iċ-ċelebrazzjoni se tibda fil-11:30pm bil-kant tal-innijiet tal-Milied u tkompli f'nofsilejl bil-purċissjoni tal-Bambin u l-Quddiesa mmexxija mill-Provinċjal tal-Karmelitani, Patri Alexander Vella O.Carm.
Il-Pro Katidral ta' San Pawl jinsab biswit is-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu bid-dħul ikun minn Triq il-Punent, faċċata tal-Kunvent tal-Karmelitani.

Ritratt: Ian Noel Pace