L-anestetisti mħassbin fuq nies żgħar li qed jiddaħħlu l-ITU bil-Covid-19

Beppe Galea

Read in English.

L-Assoċjazzjoni tal-Anestetisti f’Malta (AAM) uriet it-tħassib serju tagħha fuq il-pazjenti dejjem jiżdiedu bil-coronavirus li qegħdin jidħlu fis-Sala tal-Kura Intensiva (ITU) fl-Isptar Mater Dei. Apparti minn dawk il-pazjenti b’kundizzjonijiet tas-saħħa serji apparti l-virus, qegħdin jiddaħħlu wkoll nies għadhom żgħar u b’saħħithom, mingħajr ebda kundizzjonijiet mediċi oħra.

Dan qalitu l-assoċjazzjoni fi stqarrija, li fiha spjegat li kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa, diġà hemm domanda kbira għar-riżorsi umani, jiġifieri għall-ħaddiema tas-saħħa, b’mod partikolari għall-anestetisti u għall-infermiera li huma mħarrġin apposta biex jaħdmu fl-ITU. L-assoċjazzjoni fakkret li għadna m’aħniex fil-qalba tal-istaġun tal-influwenza, fix-xitwa. Fakkret ukoll fil-limitu ta’ dan ir-riżors uman.

Nhar il-Ġimgħa, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci ħabbret li hemm disa’ pazjenti fis-Sala tal-Kura Intensiva (ITU) fl-Isptar Mater Dei, megħjuna b’ventilator. Wieħed mill-pazjenti għandu bejn 35 u 39 sena, tnejn għandhom bejn 55 u 59 sena, tlieta bejn 65 u 69 sena, u tlieta oħra bejn 70 u 75 sena.

Żiedet tgħid li s-sitwazzjoni kurrenti turi li din mhix marda minuri, u mhix simili tal-influwenza. “Ma tagħżilx lil dawk fraġli, lill-anzjani u lil dawk morda minn qabel imma tista’ tinfetta u taffettwa lil kulħadd.” Għalhekk, l-assoċjazzjoni wissiet fuq il-perikli tal-coronavirus filwaqt li appellat lill-pubbliku jsegwi l-ordnijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa, u ħeġġet lil kulħadd biex jaġixxi b’mod responsabbli.

Hija temmet l-istqarrija billi qalet li jrid ikun hawn bidla drastika fl-attitudni u l-imġiba tan-nies fir-rigward tal-coronavirus sabiex l-anestetisti, flimkien mal-bqija tal-ħaddiema tas-saħħa, ikunu jistgħu jgħinu lil dawk li jisfaw vittmi tal-virus.