L-analiżi tal-ġimgħa tal-midja soċjali tal-kandidati għat-tmexxija tal-PN

Read in English.

Din il-ġimgħa Newsbook.com.mt qed jagħti ħarsa mill-ġdid lejn kif il-kandidati għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qed ikunu segwiti fuq il-midja soċjali. Dan il-ġurnal tkellem mill-ġdid mal-espert tal-marketing Dr Franco Curmi biex janalizza dak li qed jiġri fuq il-midja soċjali.

“Għalkemm il-likes u l-follows fuq il-midja soċjali ma jistgħux jirriflettu direttament f’żieda fil-voti meta n-numri jkunu kbar, dawn huma indikattivi ta’ kif iċ-ċittadini qed jirreaġixxu għall-messaġġi tal-politiċi,” osserva Dr Curmi. L-informazzjoni analizzata f’dan l-artiklu nġabret is-Sibt 12 ta’ Settembru, abbażi tal-attività pubblika fuq il-midja soċjali mis-Sibt 5 ta’ Settembru sal-Ġimgħa 11 ta’ Settembru.

Ġeneralment ma kienx hemm tibdil kbir minn dak li kien osservat fil-ġimgħat li għaddew u ż-żewġ kandidati komplew fl-istess direzzjoni.

Grech u Delia kif jikkumparaw din il-ġimgħa?

Kemm fuq Instagram kif ukoll fuq Facebook Adrian Delia għandu aktar segwaċi (2791 vs 5305). Intant Bernard Grech żied is-segwaċi tiegħu b’rata akbar din il-ġimgħa (5.1% vs 0.4%). L-istess japplika għal Facebook fejn Delia għandu 29,417-il persuna li ssegwih fuq il-paġna tiegħu filwaqt li Grech għandu 21,309. Din il-ġimgħa, is-segwaċi ta’ Grech żdiedu bi 3.3% meta kkumparat maż-żieda ta’ 0.14% għal Delia.

“X’inhu simili għall-kandidati kollha huwa n-numru ta’ persuni li jxerrdu l-posts. Jidher li hemm numru ta’ ‘segwaċi’ li jxerrdu kull messaġġ li joħroġ il-kandidat tagħhom. Wieħed ikun irid jara kemm dawn il-messaġġi jaslu ‘l bogħod minn dan il-grupp konsistenti għall-popolazzjni sħiħa. Fi kliem ieħor, kemm minn dawn il-messaġġi jirreżonaw mal-popolazzjoni jekk dawn is-segwaċi konsistenti jitneħħew?” staqsa Dr Curmi.

Dan kif jitqabbel mal-politiċi laburisti?

It-tentazzjoni hija dejjem preżenti biex wieħed jikkumpara mal-politiċi tal-Partit Laburista, imma Dr Curmi wissa li paragun tat-tip mhux wieħed faċli. “Meta wieħed jagħmel dawn il-paraguni, irid iħares lejn fatturi diversi. Għall-kuntrarju tal-kandidati tal-PL, il-kandidati tal-PN jinsabu f’tellieqa għat-tmexxija u b’hekk is-segwaċi huma mistennija li jkunu aktar reattivi għall-messaġġi tagħhom f’dan iż-żmien. Biex wieħed iqabbel sew irid iħares lejn il-paġni personali tal-Membri Parlamentari. Minkejja dan, l-MPs fil-gvern ikollhom ukoll esponiment grazzi għal paġni oħrajn li mhux inklużi f’din l-osservazzjoni.

“Fid-dawl ta’ dan, jekk nikkumparaw il-messaġġi fuq Facebook tal-kandidati għat-tmexxija tal-PN u l-mexxej tal-PL u d-deputat mexxej * nistgħu nosservaw liema messaġġi kien hemm reazzjoni akbar għalihom mill-udjenzi,” qal Dr Curmi. It-tabella t’hawn taħt turi l-messaġġi ppubblikati minn Robert Abela, Adrian Delia, Chris Fearne u Bernard Grech skont in-numru ta’ persuni li rreaġixxew għalihom (l-ewwel hemm il-messaġġi li rċevew l-aktar sapport).

Il-pjattaformi tal-midja soċjali saru għodda essenjzai għall-politiċi biex jikkomunikaw ma’ popolazzjoni akbar u jingaġġaw maċ-ċittadini. F’ħafna każi, dawn il-pjattaformi laħqu lill-akbar porzjon ta’ votanti b’mod nazzjonali aktar minn kwalunkwe pjattaforma oħra bħat-televiżjoni tradizzjonali u ittri bil-posta. Wieħed jista’ jargumenta li r-reazzjonijiet fuq il-midja soċjali ma jistgħux jirriflettu l-voti jew it-tesserati. Madanakollu, l-informazzjoni miġbura minn fuq il-midja soċjali ħafna drabi tkun taqbel mas-sorsi ta’ informazzjoni bħal surveys speċjalment meta n-numri jkunu kbar u t-tendenzi jkunu konsistenti.

*Id-deputati mexxejja tal-PN ma kinux inklużi fil-lista għax ma kienx hemm posts matul dan il-perjodu.