L-Amoris Laetitia hi mibnija fuq il-morali ta’ San Tumas Aquinas

F’laqgħa li kellu ma’ numru ta’ Ġiżwiti waqt li kien fuq iż-żjara fil-Colombia, imma li d-dettalji tagħha ħarġu f’dawn il-jiem, il-Papa Franġisku qal li l-Eżortazzjoni Appostolika “Amoris Laetitita” hi mibnija fuq il-moralita’ ta’ San Tumas Aquinas.
“Li tara, tifhem u titħallat mal-ħajja reali tan-nies ma jfissirx li tkun qed tħallat u tippastardja t-teoloġija. Dan hu dak li hu meħtieġ biex niggwidaw in-nies lejn Alla”, qal il-Papa. “It-teoloġija ta’ Kristu hi l-aktar ħaġa reali; bdiet mir-realta u telgħet sa għand il-Missier.  Jien ninsab hawn għalikom, mhux biex nagħmlilkom xi diskors imma biex nisma’ l-mistoqsijiet u l-kummenti tagħkom”, qal Papa Franġisku lil dan il-grupp ta’ Ġiżwiti.
“Il-filosofija, bħat-teoloġija ma tistax issir f’laboratorju imma fil-ħajja, fi djalogu mar-realta għax ma tistax tagħmel il-filosofija b’tabella tal-matematika.  Dan l-istess tip ta’ djalogu japplika għat-teoloġija li ma tistax tħallatha u tagħmilha impura.  Alla, li hu l-akbar realta, dejjem beda mil-ħajja vera tan-nies biex imexxihom lejn Alla”, sostna l-Papa.
“Biex tkun teologu tajjbe, barra li tistudja, tiddedika lilek innifsek u tifhem ir-realta, wieħed irid jirrifletti u jitlob għarkubtejh. Raġel jew mara li ma jitolbux ma jistgħux ikunu teoloġi. Jistgħu jkunu jafu kull reliġjon li qatt eżistiet imma b’daqshekk biss ma jkunux teoloġi. Kollox jirriduċi ruħu għal kif tesprimi min hu Alla, kif l-Ispirtu s-Santu jidher fil-misteru u l-feriti ta’ Kristu. Kif qed tgħallem din il-laqgħa ma’ Kristu – dik hi l-grazzja”, sostna Papa Franġisku.
Il-Papa qal li ried jieħu din l-opportunita biex jindirizza – b’ġustizzja u karita’ – il-ħafna kummenti dwar l-Amoris Laetitia. Ħafna mill-kummenti huma rispettabbli għax saru minn ulied Alla, “imma huma żbaljati”.
“Biex tifhem l-Amoris Laetitia trid taqraha mill-bidu sal-aħħar, tara x’intqal waqt iż-żewġ Sinodi tal-Isqfijiet dwar il-Familja u tirrifletti fuq kollox”.  Lil dawk li jsostnu li l-moralita ta’ dan id-dokument m’hix ‘moralita kattolika’ jew moralita li tista’ tkun ċerta “irrid nirrepeti ċar u tond li l-moralita’ tal-Amoris Laetitia hi mibnija fuq il-filosofija morali ta’ San Tumas Aquinas” spjega il-Papa.
“Qed nenfasizza dan biex ngħin lil dawk li jemmnu li l-moralita’ tista’ tinbidel skont każi u ċirkostanzi partikolari minflok moralita li tiddetermina approċċ ġenerali li għandu jiggwida l-attivita’ pastorali tal-Knisja. San Tumas u San Bonaventura jsostnu li l-prinċipju ġenerali jgħodd  għal kulħadd iżda meta wieħed jasal f’każ partikolari il-kwestjoni tiddiversifika u jqumu ħafna inferenzi bla ma jibdlu l-prinċipju. Dan hu l-metodu li ntuża għall-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika u għal Amoris Laetititia”, ikkonkluda l-Papa.