Coronavirus: Iżjed minn elf mejta; fiċ-Ċina s’April

Read in English.

Il-Gvern Ċiniż qal li l-ammont ta’ nies mietu kawża tal-Coronavirus issa qabeż l-elf ruħ. Sadanittant żdied it-tħassib dwar l-impatt ta’ din il-marda fuq l-ekonomija tal-pajjiż.

It-Tlieta ġew irrappurtati li mietu 108 persuni, li huwa rekord. L-ammont ta’ nies mejta issa tela għal 1,016. 

Għadd ta’ kumpaniji Ċiniżi qed jagħtu s-sensji lill-ħaddiema fid-dawl tat-tnaqqis ta’ ordnijiet tal-produzzjoni minħabba li numru ta’ kumpaniji ħadu miżuri ta’ prekawzjoni u waqqfu l-operat. Analisti tad-ditta JPMorgan qalu li l-Coronavirus u l-firxa tal-epidemija wasslet biex tbiddel id-dinamika tal-ekonomija Ċiniża, tant li anke l-previżjonijiet ekonomiċi ġew mibdula u riveduti l-isfel. 

Intant, espert mediku li jaħdem mal-Gvern qal li l-virus se jilħaq il-qofol tiegħu fiċ-Ċina dan ix-xahar, u jaf ikun spiċċa f’April.

F’intervista ma’ Reuters, l-espert ta’ 83 sena, Zhong Nanshan, li kien iġġieled l-epidemija tas-SARS fl-2003, tkellem dwar it-tabib Li Wenliang li miet il-ġimgħa li għaddiet li kien wissa dwar il-coronavirus.

Zhong kien ottimist li l-coronavirus se jbatti xi ftit.