L-Amerka u l-alleati jibbumbardjaw lis-Sirja

L-alleanza bejn l-Istati Uniti tal-Amerka, ir-Renju Unit u Franza għadha kemm ibbumbardjat numru ta’ siti governattivi fis-Sirja kmieni dalgħodu, sabiex jinqerdu allegati siti li fihom hemm armi kimiċi.
L-attaki ġew bħala risposta għal attakk suspettat kimiku fuq il-belt ta’ Douma l-ġimgħa l-oħra.
L-isplużjonijiet laqtu l-belt kapitali, Damasku, kif ukoll żewġ lokalitajiet viċin il-belt ta’ Homs.
L-ambaxxatur Russu għall-Amerka sostna li l-attakk “mhux se jibqa’ mingħajr konsegwenzi”.
Għall-ħabta tal-10pm, il-President tal-Istati Uniti tal-Amerka indirizza lill-poplu Amerikan mill-White House fejn ħabbar li kienet għaddejja din l-operazzjoni bejn l-alleati.
Skont midja Sirjana, irnexxielhom jeqirdu mat-12-il missila qabel ma setgħu jagħmlu ħsarat. Madanakollu qed jingħad li ntlaqtet faċilità għar-riċerka xjentifika f’Damasku, allegatament konnessa mal-produzzjoni tal-armamenti kimiċi u bijoloġiċi, faċilità fejn jinħażnu l-armamenti f’Homs, u faċilità oħra tal-ħażna u post importanti għall-awtoritajiet ukoll viċin Homs.
Ritratt: Reuters