L-Amerika tisfida liċ-Ċina dwar il-gżejjer Spratly

Żewġ ajruplani Amerikani tat-tip B52 taru viċin ħafna tal-gżejjer Spratly li dwarhom hemm nuqqas ta’ qbil dwar liema pajjiż għandu s-sovranità tagħhom.
Dan ġie rrappurtat fi stqarrija tal-Forzi Amerikani stazzjonati fil-Paċifiku inkarigati mill-operazzjonijiet tal-ajru fir-reġjun, li jinsab fil-baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina.
It-titjira seħħet wara li l-Ministru tad-Difiża Amerikan James Mattis wissa’ liċ-Ċina dwar it-tqegħid ta’ armamenti f’dawn il-gżejjer u akkuża liċ-Ċina b’intimidazzjoni u theddid ta’ pajjiżi oħra fir-reġjun tal-Paċifiku.
Hu għamilha ċara li l-Istati Uniti ma’ għandhiex pjan li tħalli r-reġjun u dan wassal għal reazzjoni ta’ rabja min-naħa Ċiniża.
Iċ-Ċina ddikjarat li l-gżejjer Spratly huma Ċiniżi iżda dawn id-dikjarazzjonijiet m’humiex rikonoxxuti mill-Amerika jew mill-ġirien taċ-Ċina – il-Malażja, il-Vjetnam, il-Filippini u t-Tajwan – li kollha jiddikjaraw li l-gżejjer huma tagħhom.
Iċ-Ċina ħolqot gżejjer oħra madwar dawn l-istess gżejjer biex tibni faċilitajiet militari li jippermettu l-użu ta’ missili kontra l-ajruplani u kontra l-vapuri.
Ritratt:Pinterest