Aġġornata: “Assurda” l-aħbar li r-Russja se tirritalja kontra Malta – Il-Gvern Russu

Maria Zakharova, il-Kelliema għall-Ministeru Russu tal-Affarijiet Barranin, qalet li d-deċiżjoni ta’ Malta li ma tħallix ajruplani militari Russi jtiru fl-ispazju tal-ajru Malti fl-4 t’April kellha konnotazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ħbiberija. Żiedet tgħid li r-Russi se jikkunsidraw dan l-aġir fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom ma’ Malta.

Mistennija ritaljazzjoni mir-Russja kontra Malta – rapporti

Zakharova sejħet l-aħbar li r-Russja se tirritalja kontra Malta b’kampanja ta’ informazzjoni skorretta fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew “assurda.” Newsbook.com.mt kiseb din l-informazzjoni mis-sit BuzzFeed News. Skont l-Ambaxxata, din mhix l-ewwel darba li Malta xerrdet akkużi ta’ dan it-tip dwar ir-Russja. Huma sejħu din l-aħbar aħbar falza.

L-Amerka tappoġġja lil Malta

Morgan Ortagus, kelliema għad-Dipartiment tal-Istat Amerikan, uriet l-appoġġ tagħha għall-aġir ta’ Malta meta l-Gvern ma ħalliex ajruplani militari Russi jtiru fl-ispazju tal-ajru Malti biex iwasslu l-provvisti lir-reġim fil-Venezwela.

Dan għamlitu fuq Twitter, u appellat lil pajjiżi oħra biex jimxu fuq l-eżempju ta’ Malta sabiex iwaqqfu l-appoġġ tal-Kremlin għad-dittatur Nicolas Maduro, il-President Venezwelan.

Il-ġimgħa li għaddiet, is-sit BuzzFeed News irrapporta li r-Russja mistennija tirritalja kontra Malta talli rrifjutat it-talba tal-Ambaxxata Russa biex tagħti permess lill-ajruplani Russi jtiru fl-ispazju tal-ajru Malti. Skont is-sit, il-mira ta’ din it-tpattija għandu jkun il-Prim Ministru Joseph Muscat, billi jibdew kampanja ta’ informazzjoni skorretta waqt l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’Mejju.