L-Amerikani mhux lesti li jiltaqgħu mar-Russi fuq il-Krimea

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, John Kerry qal li l-laqgħa li kellha ssir bejn l-Istati Uniti u r-Russja mhix se ssir sakemm il-Gvern Russi ma jaċċettax il-proposti Amerikani biex jegħleb il-kriżi fil-Krimea.
Kerry kellu jiltaqa’ mal-President Russu Vladimir Putin fil-jiem li ġejjin.
Għaldaqstant, Kerry stqarr mal-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin Sergei Lavrov li l-intervent Russu fil-Krimea qed iwassal biex in-negozjati bejniethom ikunu ferm iżjed diffiċli.
L-Uffiċjali tal-Istati Uniti qed isostnu li m’hemmx għalfejn jiltaqgħu mar-Russi jekk ir-referendum biex il-Krimea tingħaqad mar-Russja jsir xorta waħda.
Dan ir-referendum se jsir nhar il-Ħadd li ġej iżda l-Ukraina qed issostni li dan il-vot huwa illegali u mingħajr bażi.