L-Amerikani jiġru biex jixtru l-armi tan-nar wara l-massakru ta’ lbieraħ

Wara l-massakru ta’ lbieraħ f’Las Vegas, meta anzjan qabad jispara fuq folla u qatel mas-60 ruħ, l-Amerikani aktar ġrew għand il-kumpaniji li jbigħu l-armi tan-nar biex jixtru xi arma minħabba l-biża’ li l-liġi dwarhom tissikka aktar fil-ġejjieni.
Dan il-fatt urewh statistiċi uffiċjali ta’ kumpaniji ewlenin fl-Istati Uniti, fosthom American Outdoor Brands Corp, li f’jum wieħed biss rat il-prezz tal-armi li tbigħ jogħla bi 3%, inkella Visa Outdoors Inc., manifattur tal-munizzjoni, li l-prezz għollieh bi 2% tant kemm bigħ munizzjon.
Li r-raġuni ewlenija għal dan il-ġenn biex kulħadd jakkwista aktar armi kienet il-biża’ ta’ aktar regolamenti stretti minħabba l-attakk ikompli jikkonfermaha l-fatt li nhar il-Ġimgħa l-ishma tal-kumpaniji msemmija kollha kellhom jagħlqu.
Kien l-ekspresident Barack Obama li wara l-attakk f’Diċembru tal-2012 fi skola elementari fi Newton li talab biex iċ-ċinturin jiġi ssikkat fuq l-armi tan-nar.
U l-president attwali, fejn jinsab? Analiżi mill-midja internazzjonali turi kif Trump bidel fehemtu drastikament mindu daħal fil-ġirja għal president.
Fid-Disgħinijiet u l-Elfejn, kien kontra li jinbiegħu armi tan-nar li jixbhu lil dawk tal-armata, u faħħar lil meta Obama tkellem wara l-attakk ta’ Newton.
Madankollu mill-2015 ’l hawn, speċjalment waqt il-mass meetings fil-kampanja elettorali, kien jiftaħar li jġorr ħafna armi fuqu, u saħansitra kien qal li l-liġi li tipprojbixx armi tan-nar qrib skejjel jew knejjes hija katastrofi għall-Amerka.
Hu fatt magħruf li l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Snieter fl-Istati Uniti nefqet aktar minn $30 miljun fil-kampanja elettorali biex Trump isir president.