L-Amerikani fil-Korea ta’ Fuq biex jippreparaw għas-summit

NORTH KOREA kim jong un

Uffiċjali mill-Istati Uniti qasmu lejn il-Korea ta’ Fuq biex jieħdu sehem f’taħdidiet bi preparazzjoni għas-summit, skont gazzetta fl-Istati Uniti, hekk kif il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong Un tenna l-impenn tiegħu biex jiltaqa’ mal-President tal-Istati Uniti Donald Trump.
Kemm Pyongyang kif ukoll Washington qed ikomplu bil-preparamenti tagħhom għall-laqgħa bejn iż-żewġ mexxejja wara li Trump ikkanċella l-attendenza tiegħu għas-summit tat-12 ta’ Ġunju. Ġurnata wara, reġa’ beda jbiddel fehmtu.    
Ir-Reuters qalet li l-Washington Post irrappurtat li l-eksambaxxatur tal-Istati Uniti għall-Korea t’Isfel Sung Kim kien qed imexxi l-preparamenti għan-naħa tal-Istati Uniti.
Sung Kim mar fil-Korea ta’ Fuq mal-espert għall-Korea tal-White House Allison Hooker. Huma ltaqgħu mad-deputat Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Korea ta’ fuq Choe Son Hui.
Ritratt: Reuters