Aġġornata: Il-ħaddiema tal-ambulanzi “m’għandhomx biex jaħdmu”; direttivi ġodda

L-ambulanzi tal-emerġenza se jkomplu jnaqqsu s-servizz li jagħtu mil-lum, hekk kif daħlu fis-seħħ aktar direttivi ordnati mill-General Workers’ Union (GWU). 
Hu mifhum li l-azzjonijiet industrijali, ikkonfermati minn kelliem tal-GWU ma’ Newsbook.com.mt, mistennija jiħraxu jekk sas-6 ta’ Marzu ma titteħidx azzjoni u jitranġaw il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Sorsi qrib l-Isptar Mater Dei qalu ma’ Newsbook.com.mt li x-xufiera tal-ambulanzi qed jagħmlu xogħol li suppost qed isir mis-sezzjoni tal-ambulanzi tal-Isptar San Luqa. Dan hekk kif ambulanzi tal-emerġenza qed jintbagħtu għall-persuni li jkollhom bżonn trasport għal appuntamenti fl-Outpatients.
Fi kliem is-sorsi, dan huwa allegat “trasport kuntrabandu, li qed isir għall-ħbieb tal-ħbieb” b’detriment għall-pazjenti li jiġu bżonn ambulanzi tal-emerġenza. 
Sostnew li dan hu aktar ta’ tħassib hekk kif minn 13-il ambulanza, jaħdmu biss disgħa matul il-ġurnata u tmienja bil-lejl.
Għaldaqstant, l-istess sorsi saħqu li wara li ħarġu d-direttivi, il-maniġment tal-garaxx tal-ambulanzi rrebella minflok pprova jsib mezz ta' kif jintlaħaq ftehim. Is-sorsi qalu li "b'att ta' vindikazzjoni" tneħħitilhom ambulanza oħra, fejn issa se jkollhom jaħdmu b'seba' ambulanzi bil-lejl, u tmienja matul il-ġurnata.
X’inhuma d-direttivi?

  • M’għandu jsir l-ebda tip ta’ trasport lura bl-ambulanzi lejn djar privati, sptarijiet u djar tal-anzjani
  • Ma jsirx ħasil tal-ambulanzi
  • Jibqgħu fis-seħħ:
    • L-ambulanzi ma jiħdux magħhom radjijiet
    • L-ambulanzi tal-Mosta jieqfu fis-6pm

“Overtime, xogħol mhux fil-kuntratt, nuqqas ta’ tagħmir”
Fi stqarrija li ħarġet il-GWU fit-3pm qalet li d-direttivi qed isiru għal diversi nuqqasijiet amministrattivi li qed jolqtu b’mod ħażin il-kundizzjonijiet u l-proċeduri tax-xogħol tal-ħaddiema.
Il-GWU spjegat li l-kwistjoni kollha ddur mal-mod li bih qed ikun ordnat l-over time, ix-xogħol li mhux inkluż fil-kuntratt tal-ħaddiema li jgħidu li issa sar ir-regola u mhux l-eċċezzjoni, in-nuqqas ta’ tagħmir biex isir xogħol ta’ manteniment tal-vetturi, drabi fejn ix-xogħol jitwettaq b’inqas persuni milli huwa ġust, u wkoll bdil fil-proċeduri tax-xogħol mingħajr konsultazzjoni mal-Unjin.
Madanakollu, il-GWU għamlitha ċara li d-direttivi li ordnat mhumiex se jaffetwaw is-servizz li jingħata lill-pazjenti jew dawk li jkollhom bżonn is-servizz tal-ambulanzi.
Kelliem għall-istess unjin qal li r-raġuni wara ż-żieda fid-direttivi mhix relatata mal-każ li seħħ f’Bormla s-Sibt li għadda meta raġel ta’ 41 sena mill-Isla sar aggressiv u ħebb għall-infermier u għax-xufier tal-ambulanza li marru sabiex jagħtuh l-ewwel għajnuna wara li waqa’ ħdejn il-Knisja ta’ Bormla.
L-allegata sitwazzjoni fil-garaxx tal-ambulanzi
Sorsi infurmati qalu li għaddej abbuż ta’ poter kbir fil-garaxx tal-ambulanzi. Spjegaw li l-garaxx jinsab fi stat agħar minn qatt qabel, b’bosta nies qed jirreżenjaw qabel ma jkun għalqilhom il-kuntratt tax-xogħol.
Semmew ukoll il-frustrament tal-ħaddiema, li minkejja li jagħmlu “l-impossibbli” biex ilaħħqu max-xogħol, iħossu li m’għandhomx biżżejjed għodda biex jaħdmu. 
“It-tibdil li kien sar, sar biex il-garaxx jaħdem b’mod aħjar” – Ministeru
Kelliemha tal-Ministeru għas-Saħħa qalet ma’ Newsbook.com.mt li minkejja li ma sarx tibdil fl-amministrazzjoni riċentament, it-tibdil li kien sar qabel, kien prerogattiva tal-maniġment sabiex “jara l-garaxx jaħdem b’mod aħjar”.
Madanakollu, il-kelliemha għall-Ministeru ma tatx tweġiba meta mistqosija jekk it-tibdiliet maniġerjali u amministrattivi sarux wara sejħa nterna.
Spjegat ukoll li l-Isptar Mater Dei għandu flotta’ ta’ ambulanzi li jintużaw għall-emerġenzi, u barra minn hekk hemm servizz ieħor li hu offrut mill-garaxx tal-ambulanzi li jinsab viċin l-Isptar San Luqa, li minnhu joperaw ħames ambulanzi li jieħdu ħsieb li jitwasslu l-pazjenti li jkollhom appuntamenti l-outpatients.