L-ambjent u l-iżvilupp jaħdmu flimkien u mhux kontra xulxin – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-ambjent u l-iżvilupp m’għandhomx imorru kontra xulxin iżda għandhom jimxu id f’id, l-istess bħas-saħħa u l-ekonomija.

Delia kien qed jitkellem waqt il-laqgħa li saret mill-Assoċċjazzjoni Maltija għall-Iżvilupp (MDA). Waqt din il-laqgħa, il-Kap tal-PN qal li dan iż-żmien ta’ pandemija għandu jservi bħala perjodu ta’ trasformazzjoni għas-setturi ekonomiċi sabiex dawn jissaħħu. Żied li setturi importanti bħat-turiżmu u l-manifatturi għandhom jissaħħu wara li dawn intlaqtu ħażin tul din il-pandemija. Delia qal li f’dan il-perjodu ta’ transformazjoni jeħtieġ li kull settur ikun imħares u l-linji gwida għandhom ikunu mibnija fuq ir-riformi meħtieġa.

Dr Delia qal li l-politika ekonomika tal-Gvern fl-aħħar snin kienet ibbażata biss fuq iż-żieda fil-popolazzjoni u dan wassal biex dak li kien il-mutur tat-tkabbir ekonomiku issa huwa l-kawża ewlenija tat-tnaqqis tal-ekonomija. Il-Kap tal-PN qal li min-naħa tal-Partit ressaq diversi mozzjonijiet li l-Gvern aċċettahom u ressaqhom fil-miżuri li ħabbar it-Tnejn li għadda. Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jaħdem f’kunċett ta’ clusters u dan jinkludi deputati u esperti li jixprunaw id-direzzjoni li s-setturi ekonomiċi jaħdmu flimkien.

Min-naħa tiegħu l-President tal-MDA Sandro Chetcuti qal li l-industrija tal-kostruzzjoni għandha quddiemha sfidi ġodda, u li trid tilħaq miri sas-sena 2030, fosthom il-mira ewlenija li tkun carbon free. Huwa enfasizza li s-settur irid ikun preparat issa iktar minn qatt qabel dwar il-ħtieġa li l-membri jingħatalhom l-edukazzjoni u l-gwida xierqa.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli Kevin Cutajar u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Toni Bezzina. Id-delegazzjoni tal-MDA kienet immexxija mill-President Sandro Chetcuti.