“L-ambjent u l-ekonomija mhumiex kontra xulxin” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-ambjent u l-ekonomija mhumiex kontra xulxin iżda huma, għall-kuntrarju, kkumplimentari għat-titjib tat-tnejn.
Waqt laqgħa mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, Dr Busuttil qal li l-ambjent aħjar isaħħaħ l-ekonomija u ekonomija tajba tfisser ambjent aktar san.
Huwa qal li l-ambjent huwa parti intrinsika mill-kwalità tal-ħajja u hemm affarijiet li ma tistax tikkwantifikahom fi flus.
Dr Busuttil semma’ affarijiet bħas-saħħa, il-ħsejjes, l-arja u l-ilma, li l-valur tagħhom mhuwiex biss ekonomiku iżda jagħmlu differenzi kbira fil-mod kif ngħixu. 
Huwa rrefera għad-dokument maħrġ mill-PN,‘Kwalità ta’ Ħajja Aħjar’ u qal li dan id-dokument joffri proposti fattibbli dwar diversi oqsma tal-ħajja.
Qal li Malta trid mhux biss tilħaq standards Ewropej imma tista’ wkoll taqbżihom, bħal pereżempju fis-settur tal-enerġija alternattiva, fejn il-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi l-introduzzjoni ta’ Solar Roads
Temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi politika konkreta u fit-tul sabiex l-ambjent jinħeles darba għal dejjem mill-politiċizzazzjoni.