“L-ambjent ma jistax jibqa’ ħaruf tas-sagrifiċċju tal-iżvilupp” – Il-PM

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-ambjent ma jistax jibqa’ ħaruf tas-sagrifiċċju tal-iżvilupp. Spjega li bl-amalgamazzjoni tal-ambjent u tal-ippjanar f’ministeru wieħed, issa taħt il-Ministru Aaron Farrugia, diġà wera li jrid li l-ambjent ikun prijorità ta’ dan il-Gvern.

Apparti dan, hemm ukoll l-iżvilupp sostenibbli li jaqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministru għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela. Il-Prim Ministru qal li filwaqt li l-bini jrid isir u l-iżvilupp irid tkompli, dan kollu jrid isir b’bilanċ. Qal ukoll li ċerti membri tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) marru lil hinn minn dak li ħass li kellu jkun fis-snin passati.

Dan qalu f’intervista ma’ Reno Bugeja fuq il-programm f’Dissett fuq TVM dirett mill-Berġa ta’ Kastilja.

“Ma kontx komdu bin-Nexia BT f’Kastilja; irrid iktar trasparenza”

Il-Prim Ministru qal li ma kienx komdu bil-kumpanija Nexia BT f’Kastilja. Huwa insista li prijorità ewlenija għalih hija t-trasparenza, u beħsiebu jara li l-poplu jkun infurmat b’li qed jiġri.

Abela qal li anke fl-għażla tiegħu tal-Kap tas-Segretarjat Clyde Caruana, li hu enfasizza li mhuwiex Chief of Staff, ra li jkun trasparenti u li Caruana ma jkollux kunflitti ta’ interess.

“Il-livell fil-laqgħat tal-Grupp Parlamentari kien ogħla”

Meta mistoqsi fuq il-Kabinett żagħżugħ li fforma, Abela qal li qabel ma laħaq Prim Ministru, huwa kien josserva l-laqgħat tal-Grupp Parlamentari u dawk tal-Kabinett, u nnota li l-livell fil-laqgħat tal-Grupp Parlamentari kien ogħla. Qal li t-tibdil fil-Kabinett kien wieħed bżonjuż.

Dwar il-veterani li spiċċaw barra, Abela stqarr li lbieraħ kien jum diffiċli ħafna peress li kellu jiddiżappunta lil għadd ta’ persuni. Minkejja dan, id-deċiżjoni kellu joħodha. Fuq it-tkabbir fil-Kabinett, Abela qal li huwa daqs il-Kabinett preċedenti mingħajr ma jgħodd il-kariga li kellu hu, dik ta’ konsulent legali, li għalissa qal se tibqa’ vojta.

Qal li jistenna li jkun hemm żbalji, imma ladarba l-iżbalji jkunu ġenwini, huwa lest li jittollerahom. Stqarr ukoll li xtaq li kien hemm iżjed nisa fil-Grupp Parlamentari Laburista minn fejn jagħżel. Dawk li kien hemm, jiġifieri Rosianne Cutajar, Justyne Caruana u Julia Farrugia Portelli, kollha ngħataw kariga fil-Kabinett. “Mhux għax huma nisa,” sostna Abela, “imma għax huma kapaċi.”

“Se nagħmel dak li għandu bżonn isir; deċiżjonijiet ibsin”

Abela qal li ħass li tul l-aħħar snin, seta’ jkun hemm iżjed infurzar ta’ liġijiet, pereżempju fl-iżvilupp u fl-ambjent. Ġab eżempju bl-Awtorità tal-Ippjanar, u li l-Pulizija tista’ tidħol fi kwistjonijiet fejn jinkisru ċerti liġijiet f’dan l-aspett ukoll. Qal li l-prinċipju għandu jkun li ssir ġustizzja ma’ kulħadd.

Stqarr li fil-jiem u ġimgħat li ġejjin, se jieħu deċiżjonijiet li se jsaħħu s-saltna tad-dritt u l-governanza tajba. Meta mistoqsi x’inhuma l-bidliet li beħsiebu jimplimenta, huwa qal li se jagħmel dak li għandu bżonn isir u mhux se jibża’ jieħu deċiżjonijiet ibsin.

L-intervistatur staqsa lil Abela jekk uħud minn dawn id-deċiżjonijiet humiex it-talbiet li għamlitlu l-Oppożizzjoni li jibda billi jkeċċi lill-Avukat Ġenerali Peter Grech, lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u lill-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar. Abela ma xtaqx iwieġeb iva jew le, iżda qal li diġà leħħen ħsibijietu fuq il-Kummissarju tal-Pulizija.

Tul il-kampanja huwa qal li jekk jitla’ hu, iridu jsiru tibdiliet fil-Korp tal-Pulizija.

Abela ddeskriva bħala diżappunt il-fatt li l-Gvern ‘stenna’ lill-Kummissjoni Venezja biex tagħti r-rakkomandazzjonijiet tagħha u hu m’antiċipahomx. Qal li hemm ċerti bidliet li jridu jsiru fil-ħatra tal-ġudikatura li ma jistgħux jibqgħu jistennew u li hu konvint minnhom.

Immigranti: “Il-piż irid ikun proporzjonat għad-daqs tagħna”

Rigward il-kwistjoni tal-immigranti, il-Prim Ministru insista li l-piż li tieħu Malta jrid ikun proporzjonat għad-daqs tagħha. Qal li hu se jkun sod fil-pożizzjoni tiegħu, anke mal-Unjoni Ewropea, biex pajjiżi Ewropej oħra jerfgħu l-piż ukoll.

Stqarr li hu jifhem kif tħossha l-komunità tal-Marsa li “tbati iktar minn oħrajn minħabba l-kwistjoni tal-immigranti.”

Mistoqsi fuq il-grupp ta’ tfal Serbi li hemm ċans li jiġu deportati minkejja li familthom toqgħod Malta peress li d-dħul ta’ familthom huwa baxx wisq, Abela qal li hu ma jridx li t-tfal ibatu, imma mhux se jgħaddi kumment fuq il-kwistjoni sakemm il-Bord tal-Immigrazzjoni jaqta’ l-kundanna. Fil-fehma ta’ Abela, mhix fis-setgħa tal-Prim Ministru li jidħol f’dawn il-kwistjonijiet.

Dwar ix-xellugin fil-Partit Laburista li jista’ jkun li huma diżappuntati li Abela huwa l-Prim Ministru l-ġdid, huwa qal li jemmen fl-għaqda u lest li jiddjaloga ma’ kulħadd. Stieden lil Mark Camilleri, iċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, li rreżenja minn deputat fil-kumitat tal-Isla mal-ħatra ta’ Abela, għal laqgħa.

Il-Prim Ministru stqarr ukoll li Louis Grech se jibqa’ konsulent tiegħu bħalma kien tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Fuq l-ewtanasja qal li ladarba mhix fil-manifest elettorali, mhuwiex se jaħdem għaliha.

Dwar martu Lydia, li hija Segretarja fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Abela qal li ċert li f’din il-pożizzjoni, se taħdem viċin in-nies u tibqa’ tagħmel hekk b’mod umli u sempliċi.