Serq bit-tqaċċit tas-siġar – Prof. Andrew Azzopardi

Il-Professur Andrew Azzopardi, id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta, stqarr li kull min għandu x’jaqsam mal-ambjent, għandu jaħseb dwar l-impatt li qed iħallu d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu. Isemmi fost l-oħrajn il-fenomenu tat-tqaċċit tas-siġar.

Qal li ċ-ċittadini li jimxu mal-liġi qed jiġu fid-dubju kif għandhom jaġixxu quddiem prinċipji neoliberali ta’ individwaliżmu kontra d-dritt komunitarju. Dan qed iwassal għal tmiem il-valuri li jiddistingwu s-soċjetajiet tagħna.

Azzopardi qal li huwa importanti li nkunu kapaċi ngħixu flimkien f’komunità u li flimkien naħdmu biex il-ġenerazzjonijiet futuri, fost l-oħrajn, ma jbatux mit-tniġġiż tal-arja jew minn ibħra kontaminati.

L-ikbar tħassib tiegħu huwa li:

  • L-industrija tal-bini qed tnaqqar it-tessut soċjali.
  • Qed naċċettaw in-nuqqas ta’ spazji miftuħa.
  • Qed jitneħħew siġar anzjani għal iktar spazju għat-traffiku. It-tqaċċit tas-siġar qed jisraq lin-nies mill-memorji kollettivi tagħhom kif ukoll mid-dell u kwalità aħjar ta’ arja.
  • Qed niċċertifikaw żieda fit-traffiku.
  • Wara l-qasma tal-MEPA, iż-żewġ entitajiet: l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) qed jikkompetu. Imħasseb li jidher li l-PA tieħu d-deċiżjonijiet u l-ERA sservi biss bħala entità konsultattiva.

Prof. Azzopardi appella lill-Istat li dan huwa l-aħjar żmien biex jassumi r-responsabbiltà, meta s-sens komun ma jkunx preżenti.

AQRA l-istqarrija sħiħa hawn.