L-Ambaxxatrici Amerikana għal-Libja f’diskussjonijiet mal-Libjani f’Malta

L-Ambaxxatrici Amerikana għal-Libja, Deborah Jones, qed ikollha kuntatt regolari mal-Libjani li jgħixu f’Malta, biex tinstab soluzzjoni għas-sitwazzjoni fil-Libja.
Jones, li xahar ilu, bdiet taħdem minn Malta wara li ġiet evakwata l-Ambaxxata fi Tripli, esprimiet it-tama li d-djalogu, u mhux il-vjolenza, iwassal għal Libja sigura. 
Waqt konferenza tal-aħbarijiet mal-Ambaxxatriċi Amerikana għal Malta, Gina Abercrombie-Winstanley, fir-residenza tagħha f'Ħ'Attard, Jones spjegat li llum, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda mistenni jiddiskuti x’azzjoni li se tittieħed wara l-attakk fuq l-ajruport internazzjonali ta’ Tripli. 
Spjegat li hemm riskju ta’ sanzjonijiet jekk il-pajjiż ma jimxix mal-liġijiet internazzjonali.
Dwar l-attakki mill-ajru fl-aħħar jiem, allegatament minn jets tal-Emirati Għarab Magħquda, l-Ambaxxatriċi Jones qalet li kull attakk mill-ajru jew kwalunkwe azzjoni li tagħmel ħsara lill-persuni ċivili, hija ħażina, u l-indħil barrani qed jagħmel is-sitwazzjoni agħar.  
Qalet li l-Gvern Amerikan se jaħdem mal-Gvern elett b’mod leġittimu fil-Libja u jkompli jiddiskuti ma’ dawk li jsibu mezzi lil hinn mill-vjolenza.
Spjegat kif il-Libjani għamluha ċara li jridu pajjiż magħqud u stabbli, mingħajr vjolenza.
Stqarret li qed tkun sfida kbira, li l-Gvern Amerikan jappoġġja l-bini ta' sistema ta' Gvern u ta’ sigurta’ interna fil-Libja, għax f'xi ċirkostanzi, meta kien maħsub li mixjin ‘il quddiem, instab li kien hemm min kien qed ifixkel dak il-progress. 
Mistoqsija dwar l-immigranti li jaħarbu mil-Libja, l-Ambaxxatriċi Amerikana għal-Libja spjegat li l-kontroll tal-fruntieri kbar tal-Libja dejjem se jibqa’ sfida.
Xahar ilu, madwar 189 Amerikan ġew evakwati mill-Ambaxxata fi Tripli, meta żdiedet il-vjolenza fiż-żona.
Huma inħarġu mil-Libja lejn it-Tuneżija b’konvoj ta’ vetturi.
L-Ambaxxatriċi esprimiet it-tama li tmur lura mat-tim tagħha ladarba tikkalma s-sitwazzjoni fil-pajjiż.