Awdjo: “L-Ambaxxata Maltija ħallietna weħidna fl-inkwiet tal-Libja”

Malti li jaħdem il-Libja sostna li hu u sħabu ma sabu l-ebda għajnuna mill-Ambaxxata Maltija biex jiġu evakwati. Saħaq li, meta mitlub jagħti l-għajnuna, il-Gvern Malti qalilhom li dak li qed jiġri fil-Libja huwa normali u mhux se tkun organizzata evakwazzjoni. 
Ma’ Newsbook.com.mt, Mark* insista li mhux minnu dak li qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella meta qal li l-Maltin fil-Libja ma kienux fil-periklu.
Mark, ilu ħmistax il-sena jaħdem il-Libja. Għalih u għal kull min jaħdem f'dan il-pajjiż, il-ġlied fit-toroq huwa periklu li jkollu jaffaċċja ta' spiss. Iżda l-periklu li kellhom jaffaċċjaw riċentement, kien simili għal dak ta' gwerra.
Mark qal li s-soltu, l-ġlied idum jumejn jew tlieta, mhux aktar, imbgħad jieqaf kollox. Iżda bħal ħafna oħrajn li kienu l-Libja, kien ilu jisma' l-għajdut li fl-20 tax-xahar "se jinqala' l-inkwiet".
Spjega li bħal ma ġara fil-passat, meta nqala' l-inkwiet fuq skala tant kbira, ra kif għamel biex qabad ajruplan biex jiġi lura Malta. Din id-darba iżda, Mark sab problema għax l-ajruport spiċċa fil-mira ta' attakk u kellu jingħalaq.
B'hekk, Mark flimkien ma' grupp ta' Maltin oħrajn, organizzaw vjaġġ għal rashom, kollox minn buthom, mill-Libja għal Djerba. Saħaq li kull ma talbu lill-Gvern Malti kien li jipprovdilhom ajruplan minn Djerba. Iżda l-Gvern baqa' jinsisti li ma kienx hemm periklu jew bżonn ta' evakwazzjoni. 
Semma kif hemm kumpaniji privati li kellhom jibagħtu ajruplan privat għall-ħaddiema tagħhom fil-Libja.
Skont l-aħħar żviluppi, l-Ambaxxata Maltija qalet li se tibgħat ajruplan tal-Medavia biex toħroġ xi persuni mil-Libja.

Mark* huwa isem fittizzju.