“L-amalgamar tal-Vodafone mal-Melita mhux se jġib benefiċċji” – l-Għaqda tal-Konsumaturi

L-Għaqda tal-Konsumaturi jidhrilha li l-amalgamar tal-Vodafone mal-Melita mhux se jwassal għal xi benefiċċji lill-konsumatur.
F’Mejju li għadda tħabbar li Melita se takkwista pussess tal-kummerċ ta’ Vodafone. Il-kumpanija l-ġdida bl-isem ta’ Combined Company se tkun qed iġġorr isem il-Vodafone, b’51% tal-ishma tagħha jkunu tax-shareholders tal-Melita, Apax Partners u Fortino Capital.
Sadanittant, ilbieraħ l-Uffiċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), ta bidu għat-tieni fażi tal-investigazzjoni ta’ dan l-amalgamar, biex jiġi asserit l-impatt tiegħu fuq l-industrija kkonċernata.
L-Uffiċċju huwa mħasseb li l-amalgamar se jillimita l-kompetizzjoni fis-suq tat-telefonija, kif ukoll inaqqas iċ-ċans li jidħol it-tielet kompetitur fis-suq. Dan għax hemm iċ-ċans li s-suq ikun iddominat minn żewġ kumpaniji, il-Combined Company u Go, b’tal-ewwel tkun tiddomina.
L-amalgamar bejn dawn il-kumoaniji tat-telefonija m’għandux bżonn l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
Sadanittant, l-Għaqda tal-Konsumaturi kompliet tgħid li ma tistax tifhem l-istqarrija tal-Vodafone li sostniet li bl-amalgamar il-konsumaturi tal-Melita se jgawdu mis-servizzi tal-Vodafone, u bil-maqlub.
L-għaqda li tiddefendi lill-konsumaturi saħqet li dan mhuwiex raġunar f’loku għax is-servizzi diġà qegħdin hemm għall-konsumatur, li jista’ jakkwistahom xħin irid u m’hemmx bżonn ta’ amalgamar.
Irrimarkat ukoll li għadu ma ssemma mkien x’se jiġri mill-prezzijiet, filwaqt li fakkret li normalment kumpanija tgħolli l-prezz jekk ikun jidhrilha li s-servizz tjieb.
Enfasizzat ukoll li dawk il-konsumaturi li kienu għażlu Vodafone għax ma kienx jogħġobhom is-servizz tal-Melita se jsibu ruħhom jixtru s-servizz tal-Melita, u bil-maqlub.
L-istqarrija tal-Għaqda tal-Konsumaturi ttemm tikkwota lill-Vodafone, li qalet li l-konsumaturi jridu dan l-amalgamar. L-Għaqda aċċennat li mill-ilmenti li tirċievi s-sitwazzjoni hi bil-kontra.
Intant ilbieraħ il-Go laqgħet id-deċiżjoni tal-MCCAA lim tinvestiga l-amalgamar.