L-ALPA tirreġistra tilwima industrijali mal-Airmalta

L-Assoċjazzjoni tal-Bdoti Maltin l-ALPA qalet li rreġistrat tilwima uffiċjali mal-linja nazzjonali tal-ajru wara li skont l-ALPA, l-Airmalta mhux qed timxi mal-ftehim kif ġie negozjat. L-ALPA qalet li għamlet diversi tentattivi sabiex tiddefendi lill-membri tagħha kif ukoll id-drittijiet tagħhom skont il-ftehim kollettiv.

Madankollu żiedet tgħid li l-ittitubar min-naħa tal-Airmalta ma ħalliet lill-ALPA l-ebda għażla oħra ħlief li tirreġistra din it-tilwima.  Iż-żewġ kwistjonijiet huma marbuta mal-ħarsien tal-pensjonijiet tal-impjegati u dwar is-snin ta’ servizz mal-kumpanija.

Matul l-aħħar sena, intqal li l-crew tal-Airmalta tnaqqas b’sittax –il bdot u dan wassal biex il-bdoti qed jaħdmu sigħat twal. L-ALPA qalet li tat struzzjonijiet lill-membri tagħha sabiex ma jirrapurtawx għax-xogħol bl-uniformi. Madankollu wissiet li dawn il-miżuri jistgħu jeskalaw jekk ma jkun hemm l-ebda żblokk fis-sitwazzjoni.