L-ALPA tikkritika lil Schembri li akkuża lill-piloti b’”hijack”

Read in English.

L-unjin tal-piloti ALPA kkritikat il-kummenti tal-Ministru Silvio Schembri wara li akkuża lill-piloti li qed jippruvaw jagħmlu hijack fuq l-Air Malta.

Schembri qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu fejn tkellem dwar is-sitwazzjoni fl-Air Malta. Appella għall-kollaborazzjoni ta’ kulħadd u qal li l-Gvern Laburista ma kienx se jaċċetta li l-Air Mala tagħlaq.

Fi stqarrija, l-ALPA qalet li għalkemm ġew ippubblikati għadd ta’ artikli fil-mdija b’rabta mal-piloti tal-Air Malta, l-ebda kamra tal-aħbarijiet ma avviċinata għall-verżjoni tagħha. L-ALPA mbagħad spjegat x’kienet is-sitwazzjoni mil-lenti tagħha.

Kif ġraw l-affarijiet skont l-ALPA?

24 Marzu: L-ALPA u unjins oħra jisseħju għal laqgħa urġenti mis-CEO Clifford Chetcuti. Chetcuti ppreżenta dokument b’outline tat-triq ‘il quddiem tal-kumpanija.

24 Marzu: L-Air Malta tinforma lid-DIER li kienet qed tippreżenta dokument li sar b’konsultazzjoni u bl-approvazzjoni tal-unjins kollha. L-ALPA tgħid li din kienet l-ewwel gidba. Tgħid li ma saritx konsultazzjoni kif suppost u li ma ntlaħaqx qbil.

L-ALPA tgħid li mbagħad l-Air Malta daħlet fis-seħħ pjan li kien lest dwar kif tiġi sfruttata l-pandemija tal-COVID-19 biex timmina l-ftehimiet kollettivi li ġew iffirmati kważi sentejn ilu.

L-ALPA tgħid li bagħtet għadd ta’ talbiet lill-amministrazzjoni tal-Air Malta bħal konsultazzjoni effettiva urġenti. Dawn it-talbiet ma ntlaqgħux.

28 ta’ Marzu: L-Air Malta tibgħat il-proposti tagħha biex jiġu ffirmati sal-1 ta’ April.

L-ALPA tkompli tinsisti għal laqgħa urġenti biex jintlaħaq ftehim.

L-Air Malta taċċetta li ssir laqgħa mal-ALPA. Il-laqgħa tiġi skedata għat-2 ta’ April.

2 ta’ April: Is-CEO jattendi għal-laqgħa. Iddum 30 minuta. L-ALPA tikkonferma li l-Air Malta ma kinitx se tbiddel il-proposti tagħha. L-ALPA titlob lill-Air Malta biex tissottometti proposti ġodda.

L-ALPA titlob għal opportunità biex tippreżenta l-proposti tagħha.

5 ta’ April: L-Air Malta tgħid li ġiet imbuttata f’kantuniera u li se jkollha tieħu miżuri oħra fl-“aħjar interess tal-kumpanija”. L-ALPA tgħid li riedet irwol attiv fil-proċess skont kif titlob l-etika u l-liġi. L-ALPA baqgħet mingħajr risposta.

7 ta’ April: L-ALPA terġa’ titlob għal laqgħa. Sagħtejn wara ġiet infurmata li l-Air Malta bdiet proċess ta’ Collective Redundancies mad-DIER.

L-Air Malta talbet biex ma jkunx hemm estenzjoni għall-proċess ta’ konsultazzjoni ta’ 30 ġurnata. L-ALPA tgħid li dan juri li l-Air Malta ma kinetx interessata fi djalogu u riedet biss tisforza lill-unjins jaċċettaw il-proposti tagħha. L-Air Malta indikat li ma kinitx se tkun qed issegwi l-obbligi tagħha b’rabta mas-severance packages.

L-ALPA tgħid li l-Air Malta kienet lesta tarmi piloti li ilhom jaħdmu magħha 30 sena. L-ALPA tgħid li dan juri l-aġir opportunistiku tas-CEO Chetcuti.

9 ta’ April: Tintlaqa’ t-talba tal-ALPA biex issir laqgħa. Is-CEO ma jattendix. L-amministrazzjoni tgħid li s-CEO kien offra li jonqoslu sa 70% tal-paga u tal-perks tiegħu. Wara ġie żvelat li l-amministrazzjoni aċċettat tnaqqis ta’ 10% tal-paga. L-amministrazzjoni qalet lill-piloti biex jaċċettaw tnaqqis ta’ 90% fil-pagi tagħhom, inkella jitkeċċew. L-ALPA tipproponi persentaġġi ġusti wara li l-impjiegi tan-nies ikunu salvagwardjati.

15 ta’ April: L-Air Malta tgħid lid-DIER biex il-perjodu ta’ konsultazzjoni ta’ 30 ġurnata jonqos għal 15 ġurnata. L-Air Malta titlob lid-DIER biex tkun tista’ tkeċċi 108 pilot sal-21 ta’ April.

17 ta’ April: L-ALPA għada bla risposta għat-talbiet tagħha mas-CEO Chetcuti. L-ALPA għadha lesta tidħol f’konsultazzjoni qabel ma tittieħed xi azzjoni mill-Air Malta.

L-ALPA llum ikkritikat l-kummenti tal-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri. Schembri llum implika li l-piloti ppruvaw jagħmlu “hijack” tal-Air Malta. L-ALPA tgħid li l-flight crew tal-Air Malta dejjem ħadem b’mod xieraq u effettiv.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu l-Ministru Silvio Schembri akkuża lill-piloti tal-Air Malta li riedu jagħmlu “hijack” fuq l-Air Malta. Qal li l-linja tal-ajru kellha ħaddiema oħra x’tieħu ħsieb ukoll. Skont Schembri, hemm piloti li kellmuh personalment u li ma kinux qed jaqblu mal-ALPA.

L-Air Malta sostniet li l-bdoti tagħha m’għandhomx iħossuhom intitolati li jitħallsu aktar minn impjegati oħra. Dan f’sitwazzjoni fejn huma se jkunu d-dar mingħajr xogħol u l-kumpanija qed taffaċċja tibatija ekonomika.

Il-European Cockpit Association hija l-aħħar minn sensiela ta’ unjins li kitbu lill-Prim Ministru Robert Abela biex isalva l-impjiegi tal-piloti tal-Air Malta. Il-Forum Unjins Maltin (For.U.M.) appella lill-Prim Ministru biex jintervjeni bejn l-Air Malta u l-Unjin tal-Cabin Crew (UCC) sabiex jiġu salvati l-impjiegi tal-ħaddiema mal-linja tal-ajru.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn