L-ALPA tiċħad l-allegazzjonijiet tal-Air Malta; tgħid li kienet “sorpriża” bis-sensji

Read in English.

L-Assoċjazzjoni tal-piloti f’Malta (ALPA) ċaħdet l-allegazzjonijiet tal-Air Malta fi stqarrija li fiha indikat li kienet sorpriża bis-sensji li ngħataw minħabba li skont l-ALPA, it-taħditiet bejn l-Air Malta u l-ALPA kienu qed javvanzaw u kienu qed isiru b’mod regolari. Fi stqarrija tard is-Sibt filgħaxija, l-ALPA qalet li l-istqarrija tal-Air Malta kienet infondata u kienet miktuba b’mod intenzjonat li jaħbi l-verità tal-fatti.

Tard il-Ġimgħa, l-Air Malta ħabbret li qed tkeċċi 69 bdot li jfissru nofs il-bdoti kollha li kellha l-kumpanija. Il-Gvern qal li kien iddispjċut għall-mod kif imxiet l-ALPA u stqarr li din kienet deċiżjoni iebsa iżda li kellha ssir ta’ bilfors.

L-Assoċjazzjoni qalet li fid-diskussjonijiet mal-kumpanija dejjem imxiet fl-aħjar interessi tal-membri u bl-intenzjoni li tiżgura vijabbiltà fit-tul għall-linja tal-ajru nazzjonali. L-ALPA qalet ukoll li ressqet għadd ta’ proposti konkreti kif ukoll miżuri sinifikanti ta’ tnaqqis fl-ispejjeż f’tentattiv biex il-kumpanija tissaħħaħ ekonomikament.

Intqal li kmieni din il-ġimgħa, l-ALPA kompliet bid-diskussjonijiet mal-Air Malta wara assigurazzjoni miċ-Chairman Charles Mangion li l-ebda impjieg ma jintilf sakemm ikunu għaddejjin id-diskussjonijiet. Intqal li fl-aħħar laqgħa li saret fit-2 ta’ Ġunju, l-Assoċjazzjoni ġiet infurmata wkoll li se tkun infurmata bid-dati għal-laqgħat ta’ wara biex ikomplu d-diskussjonijiet.

L-ALPA temmet tgħid li l-Air Malta ma tat l-ebda kumment dwar il-proposta tagħha li jkun hemm tnaqqis ta’ 50% fil-pagi ta’ kull min jaħdem mal-linja tal-ajru.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn