Aġġornata: L-ALPA jridu li l-MIA tħallas it-telf minħabba l-qtugħ tad-dawl

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Bdoti (ALPA) qed titlob lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta biex tagħmel tajjeb għat-telf li sofrew il-linji tal-ajru, b’mod partikolari l-Air Malta, meta minħabba l-qtugħ fil-provvista tal-elettriku, intlaqtu diversi titjiriet lejn Malta u anke kellha tingħalaq ir-runway. 
Sostniet li dak li ġara nhar it-Tlieta, jitfa’piż finanzjarju żejjed fuq il-linji tal-ajru.
L-ALPA ddeskriviet bħala inaċċettabbli, dak li ġara nhar it-Tlieta li għadda fl-arjruport u qalet li l-kumpanija li tħaddem l-MIA naqset milli toffri servizz biex il-ħidma fl-ajruport tkompli mingħajr xkiel.
L-Assoċjazzjoni qed issostni li f’każ ta’ qtugħ fl-elettriku, kull ajruport għandu jqis minn qabel li t-tagħmir jkun qed jaħdem biex is-servizz ma jieqafx jingħata.
Għal kuntrarju ta’ dak li qal l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, l-Assoċjazzjoni qed issostni li mhux minnu li s-servizzi tar-runway kienu sospiżi biss għal 25 minuta.
Kelliem għal-linja nazzjonali tal-ajru ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li r-runway kienet magħluqa għal sagħtejn, wara li l-kontrollaturi tal-ajru għalqu r-runway fil-22:50pm.
L-ALPA qed tħeġġeġ lill-MIA biex malajr kemm jista’ jkun jara l-prioritajiet l-oħra u mhux biss jiffoka fuq kif se jiġu aktar passiġġieri u l-ftuħ ta’ aktar ħwienet.
L-Assoċjazzjoni qed issostni li l-MIA għandha tinvesti flus u riżorsi “biex ma jerġax jiġri fjask ieħor bħal nhar it-Tlieta”.   
Kawża tan-nuqqas ta’ elettriku, bejn nhar it-Tlieta u l-Erbgħa, l-Air Malta kellha problema b’disa’ titjiriet.

Ir-reazzjoni tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jinsab għaddej b’investigazzjoni biex ikun stabbilit x’wassal sabiex il-generators ma ħadmux nhar it-Tlieta li għadda meta nqata’ d-dawl.
Fi stqarrija, l-MIA qalet li sa issa l-investigazzjoni ċaħdet spekulazzjonijiet li l-generators ma ħadmux minħabba n-nuqqas ta’ diesel.
L-MIA qalet li r-runway kienet magħluqa biss għal 25 minuta u f’dak il-ħin ma kienx hemm titjiriet, iżda l-Air Traffic Control żammew ir-runway magħluqa għal siegħa u tliet kwarti aktar għal raġunijiet ta’ sigurtà.