L-ALPA bi protest ġudizzjarju fil-konfront tal-Air Malta

Photo: Facebook/Airmalta

L-Assoċjazzjoni tal-Piloti ta’ Malta (ALPA) fetħet protest ġudizzjarju fil-konfront tal-Air Malta p.l.c. talli aġixxiet kontra t-termini tal-mandat maħruġ mill-Qorti fis-7 ta’ Ġunju li jordna biex ma jkunx hemm tkeċċija tal-bdoti.

Il-Qorti kienet laqgħet rikors li għamlet l-Assoċjazzjoni tal-Piloti ta’ Malta (ALPA) wara li saret taf minn stqarrija tal-Air Malta li l-membri tagħha tkeċċew. Il-mandat ta’ inibizzjoni jitlob lill-Air Malta biex ma tkeċċix il-bdoti sakemm jinstema’ r-rikors quddiem il-Qorti nhar it-Tnejn 15 ta’ Ġunju.

Minkejja dan il-kumpanija keċċiet total ta’ 69 bdot u jidher li qalet li ma kinitx taf bil-mandat ta’ inibizzjoni qabel ma’ għamlet dan.

L-Assoċjazzjoni qalet li qed iżżomm lill-kumpanija responsabbli għad-deċiżjonijiet li għamlet u d-dannu rriparabbli li kkawżat lill-membri tagħha.

L-Assoċjazzjoni ssottomettiet ukoll ilment kriminali kemm lid-Direttur Ġenerali għar-Relazzjonijiet Industrija u tal-Ħaddiema u wkoll lill-Kummissarju tal-Pulizija fejn talbu li ssir investigazzjoni fl-aġir u d-deċiżjonijiet tad-Direttur, managers u uffiċjali oħrajn tal-Air Malta p.l.c.

L-ALPA qalet li se tibqa’ ddeterminata biex issalva l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tagħha mingħajr distinzjoni.

Il-Viċi President tal-Assoċjazzjoni tal-Piloti ta’ Malta (ALPA), Matthew Degiorgio kien qal ma’ Newsbook.com.mt li l-ittra tat-tkeċċija lill-bdoti ntbagħtitilhom il-Ġimgħa fil-11pm u ntalbu jirritornaw l-affarijiet kollha li huma propjetà tal-kumpanija.