L-allowance tas-suldati sa €627 u l-Pulizija jiffrankaw €390 f’taxxa

Il-Ministeru għall-Intern qal li minn Jannar ta’ din is-sena daħlu fis-seħħ żewġ miżuri għall-membri tal-Korpi dixxiplinati u li kienu mħabbra fil-baġit li għadda.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern qal li b’dawn il-miżuri, l-allowance ta’ €279 li kienu jirċievu suldati minn maġġur u inqas issa telgħet għal €627.
Dawk is-suldati li għandhom sengħa se jitħallsu bl-ogħla rata tax-xogħol tal-idejn.
B’kollox se jkunu bejn 300 u 400 is-suldati li se jibbenefikaw minn din iż-żieda.
Il-Ministeru spjega wkoll li l-Pulizija li kienu jiġu ntaxxati b’rata għolja ta’ 25% għall-extra duty se jiġu ntaxxati b’rata ta’ 15% u għalhekk jiffrankaw mat-€390 taxxa fis-sena.
Bħalissa hawn aktar minn 420 membru tal-Korp li huma reġistrati sabiex jagħmlu dan ix-xogħol.

Ritratt: AFM