“L-allegazzjonijiet dwar il-ħruġ tal-ID cards ma rriżultaw minn imkien” – Owen Bonnici

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici saħaq li l-allegazzjonijiet dwar il-ħruġ ta’ aktar minn karta tal-identità waħda ma rriżultaw minn imkien.
F’laqgħa bejn il-Ministeru u l-edituri ta’ The Malta Independent, il-Ministru Owen Bonnici qal li d-dokument li ġie kkwotat mill-gazzetta mhuwa xejn ħlief dokument intern ta’ Identity Malta li jelenka l-persuni kollha li għandhom karta tal-identità li tispiċċa bl-ittra ‘P’.
Qal ukoll li dan id-dokument jinkludi notamenti fejn jidħol ċaqliq minn karta tal-identità għal oħra wara bidliet li seħħew b’mod naturali fl-istatus tal-persuni.
Kompla jgħid li dawn il-madwar 300 persuna kellhom karta tal-identità li tispiċċa bl-ittra ‘P’ fuq sistema li ddaħħlet taħt amministrazzjoni preċedenti. Qal li din is-sistema kienet tapplika għal dawk il-persuni li ma setgħux jippreżentaw iċ-ċertifikat tat-twelid tagħhom.
Sostna li għaldaqstant, kważi l-persuni kollha ngħataw din il-karta tal-identità fil-leġiżlatura ta’ qabel.
Kompla jispjega li d-dokument juri li madwar 80 minn dawn it-300 persuna eventwalment ingħataw status ġdid li ġie rifless f’karta tal-identità oħra minflok dik preċedenti.
Il-Ministru fisser ukoll li d-dokument intern li ġie kkwotat jagħti biss rendikont taċ-ċaqliq leġittimu li tkun għamlet persuna minn karta tal-identità bl-ittra ‘P’ għal karta tal-identità minn kategorija oħra skont il-bidla fl-istatus tal-persuna.
Min-naħa l-oħra, qal li dokument ta’ residenza li jispiċċa bl-ittra ‘A’ jingħata biss lil dawk li mhumiex Maltin u għaldaqstant mhumiex intitolati biex jivvutaw fl-elezzjonijiet ġenerali.
Madanakollu, waqt il-laqgħa, l-edituri ta’ The Malta Independent semmew każ wieħed fejn persuna Maltija dehret irreġistrata darbtejn fir-reġistru elettorali.
Il-Ministru Owen Bonnici spjegalhom li dan kien każ uniku u ttieħdu l-passi neċessarji hekk kif inqabad mis-sistema ta’ Identity Malta qabel ma d-dettalji dehru fil-gazzetta.
Il-gazzetta kienet allegat li minn kampjun ta’ 300 ruħ fuq ir-reġistru tal-karta tal-identità, 80 persuna għandhom aktar minn karta tal-identità waħda, b’ħamsa minnhom għandhom saħansitra tliet karti tal-identità, bl-istess isem u numru tal-identità differenti.
Ilbieraħ, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi qal fil-Parlament li lest li jinvestiga personalment kull każ ta’ persuni li għandhom iktar minn karta tal-identità waħda.
Waqt id-diskussjoni, saħnet il-qiegħa fil-Kamra tar-Rappreżentanti, fejn iddominaw il-botta u risposta bejn il-Ministru għall-Ġustizzja li hu responsabbli minn Identity Malta u d-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.
Fost l-oħrajn irribattew lil xulxin dwar jekk il-barranin jistgħux jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali.
"Joseph Muscat u Owen Bonnici jerġgħu jinqabdu jigdbu"
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru Owen Bonnici kellu jammetti li kien qed jigdeb kemm meta qal li mhux veru jeżisti rapport ta’ Identity Malta li minn 300 persuna, 80 minnhom għandhom aktar minn karta tal-identità waħda.
Fi stqarrija, il-PN qal li Owen Bonnici ammetta li gideb meta qal li mhux veru li hemm individwi li għandhom aktar minn vot wieħed.
Saħaq li din il-gidba tkompli tikkonferma kemm Owen Bonnici ma jistax jiġi afdat biex jinvestiga l-abbuż li hu stess responsabbli għalih. 
Temm jgħid li minflok jibqgħu jinjoraw il-verità dokumentata, Joseph Muscat u Owen Bonnici għandhom jerfgħu r-responsabbiltà, mhux biss għall-fatt li hemm individwi b’aktar minn vot wieħed, iżda għall-gideb tagħhom stess biex jgħattu dan l-abbuż.