L-allegati fenomeni mistiċi ta’ Borġ in-Nadur mhux ġejjin minn Alla – il-Knisja f’Malta

Il-Knisja f’Malta kkonkludiet li l-allegati dehriet, messaġġi u fenomeni mistiċi marbuta ma’ Anġelik Caruana, Borġ in-Nadur jew ir-residenza ta’ Caruana f’Birżebbuġa, mhumiex ġejjin minn Alla u m’għandhomx oriġini sopranaturali.
L-awtoritajiet tal-Knisja f’Malta waslu għal din il-konklużjoni wara stħarriġ dettaljat taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, li kien ġie ordnat mill-Arċisqof Emeritu, Mons. Pawlu Cremona.
F’dan iż-żmien, ġew ikkonsultati diversi esperti f’oqsma differenti tax-xjenzi naturali u soċjali, tat-teoloġija spiritwali u tat-teoloġija Marjana.
Ġew ikkunsidrati wkoll il-kriterji u n-normi tas-Santa Sede dwar allegati dehriet, u nstemgħu diversi xhieda nkluż ta’ Anġelik Caruana nnifsu.
L-Arċisqof Charles Scicluna kkonsulta wkoll mal-Kulleġġ tal-Konsulturi tiegħu u ħa anke l-parir tal-Isqof t’Għawdex, Mario Grech.
Id-deċiżjoni tħabbret b’digriet iffirmat mill-istess Arċisqof li ħeġġeġ lill-Insara biex ikomplu juru l-veru devozzjoni tagħhom lejn l-Ewkaristija, lejn il-Verġni Mbierka u lejn il-Qaddisin skont il-Liturġija uffiċjali tal-Knisja, b’mod partikolari l-Quddiesa u l-Liturġija tas-Sigħat.
Ħeġġiġhom ukoll biex jitolbu t-talb devozzjonali approvat mill-Knisja, b’mod partikolari d-devozzjoni tal-Via Sagra u r-Rużarju Mqaddes.
Fl-istess ħin, l-Arċisqof ordna lis-saċerdoti, reliġjużi, katekisti u lill-Insara biex ma jippromwovux l-allegati dehriet, messaġġi jew fenomeni oħra.
Minbarra d-digriet, il-Knisja f’Malta ppubblikat ukoll diskors tal-Arċisqof, fl-2009, meta kien għadu jaħdem fil-Kongregazzjoni tal-Vatikan għad-Duttrina tal-Fidi, dwar kif il-Knisja Universali tistudja allegazzjonijiet ta’ dehriet.
It-test tad-digriet tista’ taqrah mil-link taħt dan ir-rapport.
Il-Knisja f’Malta qed tappella lill-membri tal-pubbliku biex f’każ li jixtiequ kjarifika, jikkuntattjaw lill-Vigarju Episkopali, Dun Renè Camilleri, waqt ħinijiet tal-uffiċċju, fuq in-numru 25906238.