L-Alleanza trid ġustizzja mas-sidien li ma jistgħux jgħollu l-kera

Bil-baġit jumejn ‘il bogħod, l-Alleanza Kontra l-Faqar qiegħda tipproponi xi punti għall-baġit, fosthom li ssir ġustizzja ma’ dawk is-sidien li ma jistgħux jgħollu l-kera għal 10 snin.

Fi stqarrija, l-Alleanza Kontra l-Faqar qalet li jeħtieġ li tinħoloq aktar stabbiltà għall-inkwilini, u dan jista’ jsir billi dawn jingħataw kumpens u tnaqqis ta’ taxxa indiretta peress li huma marbuta biex ma jgħollux il-kera għal 10 snin.

L-AKF mhijiex taħseb biss fl-inkwilini, imma anke fin-nies li jikru, u għalihom qed tipproponi li jitwaqqaf bank soċjali sabiex jgħin lin-nies isiru s-sidien ta’ djarhom. L-Alleanza insistiet ukoll li għandu jsir aktar investiment fl-akkomodazzjoni soċjali, u f’akkomodazzjoni li n-nies taffordjaha, biex jinħoloqx biss bini fuq ieħor, imma jinħolqu komunitajiet aktar abitabbli. Dwar il-kera, l-Alleanza pproponiet ukoll li jiġi introdott qafas legali li jirregola l-kirjiet privati, li għandu jkun jinkludi t-tul tal-kirja u massima sakemm tista’ togħla.

L-Alleanza żiedet li jeħtieġ ukoll li ż-żieda fil-paga tkun waħda ta’ benefiċċju għall-ħaddiema u l-familji tagħhom, u l-istess il-benefiċċji soċjali għal diversi nies bħall-pensjonanti. Hija qalet ukoll li trid issir reviżjoni tal-mekkaniżmu tal-indiċi tal-prezzijiet sabiex dan jirrifletti aħjar kemm żdiedu l-prezzijiet tal-ikel u tal-kera. L-Alleanza pproponiet ukoll li jkun hemm childcare b’xejn għal tfal ġejjin minn familji vulnerabbli.

Dwar ix-xogħol, l-Alleanza qalet li x-xogħol prekarju għandu jinqata’ u li skemi ta’ zero hours għandhom jinqatgħu, għaliex il-kuntratti tax-xogħol għandhom ikunu bbażati fuq 40 siegħa fil-ġimgħa.

L-Alleanza Kontra l-Faqar żiedet ukoll li għandu jinħoloq fond li jgħin lil dawk li jaħdmu man-nies vulnerabbli, bħall-kunsilli lokali u l-NGOs.

Hija qabżet ukoll għall-ħaddiema barranin fuq bastimenti li jorbtu f’Malta, għaliex qalet li qed issir diskriminazzjoni ma’ dawn billi qed jitħallsu inqas mill-paga minima. B’hekk, ipproponiet biex isiru emendi f’Artiklu 39 tal-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.