L-Alleanza Kontra l-Faqar tibqa’ tinsisti li l-Gvern jikkontrolla l-kirjiet

L-Alleanza Kontra l-Faqar baqgħet tinsisti li għandu jkun hemm xi tip ta’ intervent mill-Gvern fil-kirjiet, wara li dan tal-aħħar diġà għamilha ċara fil-baġit li mhux se jkun hemm kontrolli tal-kera minnu.
Fil-baġit ta’ lbiraħtlula, il-Gvern ħabbar li se jibdew id-diskussjonijiet sabiex titfassal White Paper bi proposti dwar emendi fil-liġi tal-kera, iżda enfasizza li dil-karta mhux se jkun fiha kontrolli fil-kirjiet.
L-Alleanza rrimarkat li għalkemm temmen li m’għandux jitreġġa’ lura l-arloġġ għat-tip ta’ kontrolli li kien hemm qabel l-1995, xorta tisħaq li għandu jkun hemm kontrolli mill-Gvern li jagħmlu l-ħajja eħfef lil familji li għadhom jibdew u qed jispiċċaw iħallsu nofs il-paga fuq il-kera minħabba li m’għandhomx biex jixtru post.
Qafas legali li jirregola l-kirjiet privati, li jinkludi d-durata tal-kirja u limitu kemm tista’ togħla l-kirjakienu wħud mill-proposti tal-Alleanza għall-baġit.
L-inflazzjoni
Filwaqt li semmiet kif il-pensjonanti u dawk fuq il-paga minima ħadu żieda aktar mir-rata ta’ inflazzjoni fil-pajjiż, irrimarkat li jista’ jkun dan mhux biżżejjed għax skontha l-inflazzjoni mhix l-istess għal kulħadd.
L-Alleazna temmet tipproponi li jkun hemm kejl differenti biex tingħata ż-ż-żieda għal dawk fl-aħħar skaluni tas-soċjetà, minħabba li dawn l-aktar nies li qed ibatu miż-żieda fil-prezzijiet tal-affarijiet bażiċi bħall-ikel, il-mediċini, il-ħwejjeġ u finalment il-kirjiet.