L-alkoħol u l-mowbajl fost il-kaġuni li jwasslu għal inċidenti tat-traffiku

Il-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq flimkien ma’ Transport Malta u l-Ministeru għat-Trasport organizzaw seminar bit-tema Charting the Route fejn ġie mniedi l-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq, li se jgħaqqad il-partijiet kollha involuti fil-ħarsien tas-sigurtà fit-toroq madwar il-pajjiż.
Pierre Vella inħatar maniġer eżekuttiv tal-Kunsill.
Fost il-problemi għas-sigurtà fit-toroq ġew individwati fost l-oħrajn l-użu tal-mowbajl waqt is-sewqan, in-nuqqas ta’ użu tal-indicator u l-ipparkjar ħażin.
L-aktar fatturi li jikkaġunaw inċidenti fit-toroq huma l-abbuż tal-alkoħol, l-użu tal-mowbajl, veloċità eċċessiva u l-kundizzjoni tat-toroq.
Intqal li f’Malta hawn aktar minn 300,000 karozza fit-toroq u s-sewwieqa ġodda kif ukoll dawk anzjani qed isuqu karozzi b’magni iktar b’saħħithom.
Din il-konferenza ġiet indirizzata wkoll minn Jean Todt, il-President tal-FIA u l-mibgħut tan-Nazzjonijiet Magħquda għas-sigurtà fit-toroq.
Fost il-kelliema kien hemm ukoll il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi u ċ-Chairman ta’ Transport Malta James Piscopo.