L-Alitalia pass ‘il bogħod mid-daqqa finali

L-Alitalia f’xifer falliment
Il-futur tal-linja tal-ajru Taljana Alitalia jinsab taħt sħaba sewda hekk kif il-ħaddiema rrifjutaw ftehim li seta’ jevita l-kollass tal-kumpanija. Dan il-ftehim kien intlaħaq aktar kmieni dan ix-xahar bejn il-maniġment tal-kumpanija u t-trade unions u kien jinkludi tnaqqis ta’ pagi u tnaqqis ta’ numru ta’ impjegati. Il-vot kontra jfisser li żdiedu sostanzjalment ir-riskji li l-kumpanija tfalli u l-ajruplani jibqgħu kollha mal-art.
Ftit tax-xhur ilu kien jidher li l-Alitalia se tingħata nifs ġdid hekk kif il-linja tal-Emirati Għarab Magħquda kienet investiet somma sostanzjali biex akkwistat 49% tal-kumpanija. Iżda l-ħidma biex il-linja terġa’ tibda tagħmel profitt żgaratt hekk kif ma felħitx għall-kompetizzjoni tal-linji low-cost.
Fil-pjan tagħha, Alitalia kienet qed tfittex tnaqqis ta’ biljun ewro fi spejjeż fit-tliet snin li ġejjin, bi tnaqqis ta’ madwar 8% fil-pagi u tneħħija ta’ 2,000 impjieg. Minkejja li anke l-unions aċċettaw dan il-ftehim, il-kważi 12,000 impjegat tal-kumpanija rrifjutawh f’vot fl-aħħar jiem.
Il-falliment tal-Alitalia tista’ tfisser daqqa ta’ ħarta kbira għal gvern taċ-ċentru-xellug u jagħti spinta oħra lill-Moviment 5 Stilel, partit li qed jitkellem kontra l-globalizzazzjoni, u li jidher jista’ joħroġ rebbieħ fl-elezzjonijiet skedati fil-bidu tal-2018.
Lucia Annunziata, editur tal-Huffington Post Italy, iddeskriviet id-deċiżjoni tal-ħaddiema bħala “għażla ta’ suwiċidju flok sagrifiċċju”.
Credit card Ċiniża trid post fis-suq
Il-kumpanija Ċiniża tal-karti tal-kreditu UnionPay bdiet it-triq biex tiġġieled is-saħħa dinjija li għandhom il-Visa u Mastercard.
UnionPay, grazzi għas-saħħa li għandha fiċ-Ċina, twettaq 37% tat-transazzjonijiet kollha fid-dinja, għal valur ta’ aktar minn $21 triljun fl-2015. Iżda dan is-suq huwa prattikament fiċ-Ċina biss, fejn għandha monopolju, fattur li l-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ ilu jipprova jindirizza.
Minkejja li fl-aħħar 5 snin inħarġu kważi 70 miljun karta tal-kreditu UnionPay, inkluż f’ekonomija avvanzati bħal Singapor u l-Ġappun, xorta jekk imbagħad wieħed jeskludi ċ-Ċina mill-istatistika, Unionpay għandha biss 0.5% tas-suq globali. Visa għandha 50% u Mastercard 31%.
L-esperti tas-suq jidhru konvinti li l-grupp Unionpay għandu mandat ċar mill-Gvern biex jisfida lil dawn iż-żewġ ismijiet rinomati fuq skala globali, bħala parti minn sforz organizzat biex iċ-Ċina tespandi l-influwenza finanzjarja madwar id-dinja. S’issa, l-għarfien ta’ ditti Ċiniżi fis-servizzi finanzjarji huwa limitat ħafna. Madankollu, dan mhux se jkun faċli: huwa ċar li bosta pajjiżi, speċjalment l-Istati Uniti mhux se jaċċettaw l-espansjoni ta’ UnionPay fit-territorji tagħhom jekk min-naħa tagħha ċ-Ċina ma tneħħix ir-restrizzjonijiet imposti fuq credit cards barranin. Dan ifisser li mistennija battalji legali, diplomatiċi u kummerċjali importanti fix-xhur li ġejjin.
Louis Vuitton u Dior taħt saqaf wieħed
Il-biljunarju Franċiż Bernard Arnault, proprjetarju tal-imperu tal-lussu LVMH, li taħtu taqa’ d-ditta magħrufa Louis Vuitton, se jikkonsolida l-kontroll fuq Christian Dior għal madwar €12-il biljun.
B’dan il-ftehim, il-familja Arnault se tkun qed tixtri l-ishma tal-investituri ta’ minoranza fi Christian Dior SE għal madwar €260 kull sehem, filwaqt li se tkun qed tbigħ parti mill-ishma li għandha fil-kumpanija rivali Hermes International. B’hekk, Arnault se jkun jista’ jgħaqqad tnejn mill-aktar ismijiet rinomati tad-dinja tal-moda taħt saqaf wieħed. Arnault diġà kien jikkontrolla 74% ta’ Dior.
Arnault, li hu stmat li għandu valur ta’ aktar minn $46 biljun, ħa kontroll ta’ parti minn Dior u Louis Vuitton fis-Snin Tmenin, u eventwalment żied magħhom ditti famużi tal-moda bħal Fendi, tal-ġojjelerija Bulgari u tal-bagalji Rimwova.
Mal-ħruġ ta’ din l-aħbar, l-ishma ta’ Louis Vuitton telgħu kważi 5% fuq il-Borża ta’ Pariġi, filwaqt li dawk ta’ Dior telgħu 13%. Min-naħa l-oħra dawk ta’ Hermes niżlu b’6%.  L-investituri ta’ Dior għandhom l-għażla li jitħallas fi flus kontanti jew inkella f’ishma ta’ Hermes.
Il-vantaġġ ta’ dan il-ftehim hu li se jiffaċilita l-aċċess ta’ Dior għal finanzjament għal ħwienet u r-reklamar, u se jkun iktar faċli li riżorsi umani jiċċaqilqu bejn is-settur tal-mod u tal-fwejjaħ.
Fil-portafoll ta’ Dior Couture hemm ukoll bosta proprjetà tal-iprem kwalità fi bliet bħal Pariġi, Londra u Tokjo.
 Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.