L-Albanija tkompli tiftaħ l-ekonomija hekk kif jonqsu l-każijiet ġodda tal-coronavirus

FILE PHOTO: REUTERS/Florion Goga

Read in English.

L-Albanija se tippermetti l-ftuħ taċ-ċentri kummerċjali u s-servizzi min-nhar it-Tnejn li ġej, hekk kif il-pajjiż kompla jirreġistra numru żgħir ta’ każijiet, filwaqt li ebda persuna ma mietet fl-aħħar disat ijiem. Bl-istess mod, se jitneħħew kull restrizzjonijiet fuq is-sewwieqa biex jivvjaġġaw madwar il-pajjiż.

Bħala parti mill-ġlieda kontra l-imxija tal-pandemija, l-Albanija kienet għalqet il-fruntieri tagħha hekk kfi tħabbar l-ewwel każ fit-8 ta’ Marzu, u imponiet lockdown strett minn filgħodu sa filgħaxija. Issa, bil-mod il-mod, aktar negozji qed jingħataw il-permess li jiftħu mill-ġdid.

L-Albanija rreġistrat total ta’ 842 infezzjoni li wasslu għal 31 mewt. Aktar minn 600 persuna fieqet, u mill-206 li għad għandhom il-virus, 38 minnhom biss jinsabu rikoverati l-isptar, sebgħa f’taqsimijiet tal-kura intensiva.

“B’xorti tajba, l-indikaturi li qed naraw juruna li m’għandnix għalfejn ma nibdewx niftħu mill-ġdid”, spjegat Mira Rakacolli, il-Kap tal-Kumitat ta’ esperti tas-saħħa appuntat biex jiġġieled din il-kriżi. 

L-Albanija qed tfittex li terġa’ tibda l-ekonomija wara li l-Bank Dinji bassar li din kienet riesqa lejn riċessjoni, b’daqqa ta’ bejn 5 u 6.9% skont meta l-attivitajiet jerġgħu jitkomplew.

Fi stqarrija, Rakcolli qalet li kieku l-medja ta’ infezzjonijiet żammet fuq livell medju ta’ 15-il każ kuljum, kien ikonna nipposponu dan il-ftuħ”. 

L-Albanija s’issa ttestjat ftit aktar minn 9,800 persuna iżda l-Gvern kien ikkritikat li allegatament ħeba l-firxa vera ta’ din l-imxija. L-esperti qalu li huma qed jittriplikaw it-testijiet li qed isiru kuljum u saħħew it-timijiet li qed jaħdmu fuq jaraw minn kien f’kuntatt ma’ dawk infettati.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn